Il-lockdown fl-Indja jwaqqaf 300 infermier milli jiġu Malta

Read in English.

Mat-300 infermier Indjan li kienu se jingħaqdu mal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa f’Malta spiċċaw ma setgħux jiġu Malta wara li l-Gvern Indjan ordna lockdown fil-pajjiż. Dan qalu l-President tal-MUMN Paul Pace waqt konferenza tal-aħbarijiet illum waranofsinhar. Din il-konferenza saret bil-għan li tfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Infermiera.

Il-konferenza kienet indirizzata kemm mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, kif ukoll mill-President tal-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel Paul Pace. Fi snin preċedenti, dan il-jum kien ikun fih numru ta’ attivitajiet bil-għan li jħeġġu aktar persuni jmorru għall-karriera ta’ infermiera. Kemm Fearne kif ukoll Pace ħeġġew b’mod speċjali liż-żgħażagħ sabiex jieħdu din il-vokazzjoni.

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt, Pace spjega li l-infermiera kellhom jaslu fl-aħħar ta’ Marzu. Hu spjega li l-infermiera kien se jiġu ingaġġati minn aġenzija oħra imbagħad dawn jitħaddmu b’kuntratt mal-Gvern. Pace spjega li l-infermiera li jiġu biex jaħdmu hawn Malta ġejjin mill-Indja u mill-Pakistan. Qal li hija rari li jkollok xi ħadd li jiġi jaħdem bħala infermier f’Malta li ġej minn pajjiżi oħrajn.

Hu spjega wkoll li Malta bħalissa qed taffaċċja sfida ġdida hekk kif minn meta r-Renju Unit beda jippermetti li infermiera li jkunu ħadmu f’Malta għal sena, jsibu xogħol fir-Renju Unit, xi infermiera emigraw. Qal li diġà kien hemm żewġ infermiera li telqu xogħolhom minn Malta u marru jaħdmu l-Irlanda.

Waqt il-konferenza, Pace semma kif madwar 15% tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa huma barranin.

Hu u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li malli l-Indja tibda tippermetti li jkun hemm ivvjaġġar, dawn it-300 infermier se jiġu lejn Malta. Hu rrefera għall-figuri tal-Eurostat li juru li n-numru ta’ infermiera ingaġġati fil-qasam tas-saħħa kiber matul is-snin.

Fl-24 ta’ Marzu, il-gvern Indjan ordna lockdown nazzjonali għal 21 jum li llimita l-moviment ta’ 1.3 biljun persuna li jgħixu fil-pajjiż. Fl-14 ta’ April il-lockdown iġġedded sat-3 ta’ Mejju. Issa ġġedded mill-ġdid sas-17 ta’ Mejju b’xi eċċezzjonijiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn