Il-lockdown fil-Ġermanja jista’ jdum sa 10 ġimgħat oħra

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel qalet li l-lockdown fil-Ġermanja jista’ jdum bejn tmienja u 10 ġimgħat, wara li l-uffiċjali tas-saħħa jinsabu nkwetati dwar it-tixrid tal-varjant il-ġdid li nstab fir-Renju Unit.

Merkel kompliet li fil-Ġermanja l-każijiet jistgħu jiżdiedu b’10 darbiet iktar sal-Għid il-Kbir jekk il-pajjiż ma jirnexxielux inaqqas il-firxa tal-virus.

Skont dawk li kienu preżenti għal-laqgħa ma’ Merkel, ġie rrapurtat li hija qalet li hemm bżonn li l-miżuri stretti jibqgħu fis-seħħ sa tmien jew 10 ġimgħat oħra. Komplew li hija qalet li l-lockdown li hemm fil-pajjiż bħalissa kien ippjanat li jispiċċa fil-31 ta’ Jannar. Dan il-lockdown jinkludi fosthom l-għeluq tal-iskejjel u tal-ħwienet li mhumiex essenzjali.

Kemm Merkel kif ukoll politiċi oħra fil-Ġermanja ma eskludewx li dan il-lockdown jiġi estiż.

Il-Ġermanja bdiet tagħti t-tilqima kontra l-Covid-19, fid-29 ta’ Diċembru li għadda. Sal-11 ta’ Jannar, ‘il fuq minn 630,000 kienu ħadu din it-tilqima.