Il-lockdown fi Franza estiż għal ġimagħtejn oħra

Il-Prim Ministru Franċiż Jean Castex qal li se jibqgħu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet tat-tieni lockdown minħabba l-COVID-19 fil-pajjiż tal-anqas għal ġimagħtejn oħra, fejn bħalissa l-għadd ta’ persuni infettati bil-coronavirus u rikoverati fl-isptar huwa ogħla mill-quċċata tal-ewwel mewġa tal-pandemija.

Hekk kif uffiċjali tas-saħħa madwar l-Ewropa wissew kontra l-kompjaċenza lejn il-COVID-19 wara li din il-ġimgħa l-kumpanija Pfizer ħabbret li potenzjalment żviluppat vaċċin effettiv, Castex qal li l-gvern tiegħu kellu l-intenzjoni li jintensifika l-kontroll tal-lockdown f’Pariġi.

“Inkunu irresponsabbli jekk inħaffu r-restrizzjonijiet bħalissa,” qal il-Prim Ministru matul konferenza nhar il-Ħamis. “Il-vantaġġ li għandna huwa fraġli wisq.”

Ftit wara li tkellem Castex, l-awtortajiet tas-saħħa Franiċiżi qalu li l-għadd ta’ persuni fl-isptar minħabba l-marda kien żdied b’737 biex laħaq l-ogħla ċifra s’issa – 32,638 każ, kważi 350 aktar mill-quċċata preċedenti ta’ 32,292 f’April li għadda.

U l-għadd ta’ persuni li tilfu ħajjithom minħabba l-COVID-19 tela’ b’425, għal 42,960, jiġifieri medja fuq sebat ijiem ta’ 560, li taqbeż il-limitu ta’ 500 għar-raba’ jum konsekuttiv, livell li kien intlaħaq lejn l-aħħar ta’ April.

Madankollu, l-għadd ta’ kuljum ta’ infezzjonijiet ġodda kien aktar minn 2,500 anqas minn nhar l-Erbgħa, meta tela’ għal 33,172, u l-medja fuq l-aħħar sebat ijiem għall-każijiet ġodda, li kienet ta’ 42,478, naqset għall-ħames jum konsekuttiv. L-għadd kumulattiv ta’ każijiet issa tela’ għal 1,898,710, ir-raba’ l-ogħla fid-dinja.

Castex qal li kwart mill-imwiet attwali fil-pajjiż kienu dovuti għall-virus, u li għalkemm ir-rata ‘R’ li biha titqies il-firxa kienet anqas minn 1, kien għadu kmieni wisq biex wieħed jikkunsidra li jiġu rilaxxati l-miżuri.

Castex qal li Franza setgħet tibda terħi r-restrizzjonijiet mill-1 ta’ Diċembru jekk dan ikun possibbli minħabba l-għadd ta’ każijiet, u l-ewwel pass ikun li jerġgħu jiftħu l-ħwienet. Madankollu żied jgħid li l-bars u r-ristoranti mhux se jitħallew jiftħu mill-ewwel.

Meta ġie mistoqsi jekk iċ-ċittadini hux se jitħallew jixtru biljetti tal-ferrovija biex jivvjaġġaw għall-Milied, hu qal li “Għadu wisq kmieni biex nikkummenta dwar dan.”

Jekk tinżamm ir-rata ta’ tnaqqis fil-każijiet ġodda, Franza tgħaddi l-quċċata tat-tieni mewġa kmieni l-ġimgħa d-dieħla. Imma Castex żied jgħid li ma kienx se jaħsibha darbtejn li jerġa’ jimponi miżuri aktar stretti jekk l-imxija terġa’ tibda żżid.

“Il-pressjoni li qed jiffaċċjaw l-isptarijiet tagħna hija waħda enormi,” qal Castex, filwaqt li żied jgħid li kull 30 sekonda madwar il-pajjiż persuna tiddaħħal l-isptar minħabba l-virus.