Il-lockdown fi Buenos Aires mġedded sas-7 ta’ Ġunju

Read in English.

L-Arġentina ġedded il-lockdown mandatorju fi Buenos Aires ilbieraħ sas-7 ta’ Ġunju. Kien hemm ukoll tisħiħ ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment taċ-ċittadini wara li fil-belt kien hemm żieda gradwali ta’ każi kkonfermati tal-coronavirus fl-aħħar jiem.

Uffiċjali se jkunu qed iżidu l-kontrolli fuq it-traffiku bejn il-kapitali u l-provinċja ta’ Buenos Aires, it-tieni żona l-aktar milquta minn każi tal-coronavirus. Dan qalu l-President Alberto Fernandez waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-pajjiż.

L-attivitajiet kummerċjali f’partijiet l-aktar popolati u l-aċċess għat-trasport pubbliku se jitwaqqfu. Xi negozji kienu tħallew jerġgħu jiftħu waqt l-estenzjoni preċedenti tal-lockdown.

Il-lockdown kien mistenni jiskadi llum. Dan kien ordnat fl-20 ta’ Marzu, minkejja li uffiċjali rrilassaw ir-restrizzjonijiet f’ċerti żoni fil-pajjiż. L-Arġentina mhux qed taċċetta titjiriet kummerċjali u se tibqa’ tagħmel dan sal-1 ta’ Settembru. Din hija fost l-aktar miżuri stretti tal-ivvjaġġar madwar id-dinja.

Il-pajjiż irreġistra 704 każi ġodda tal-coronavirus is-Sibt. Din hija waħda mill-ogħla rati misjuba ta’ każi tal-virus fil-pajjiż minn meta bdiet il-pandemija. Il-pajjiż għandu bħalissa 11,353 każ, bl-aktar li ntlaqtu ġejjin partikolarment miż-żoni fejn hemm dħul baxx fi Buenos Aires. Fil-pajjiż s’issa mietu total ta’ 445 persuna.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn