“Il-livell tal-edukazzjoni Maltija fl-aħħar post f’indiċi Ewropej”

Il-Professur fl-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, Carmel Borg, qal li skont indiċi Ewropej dwar il-Ġustizzja Soċjali tal-2017, Malta qiegħda fl-aħħar fejn jidħol il-livell tal-edukazzjoni. Huwa sostna li l-pajjiż qed ifalli fil-qasam ta’ trawwim ta’ mentalità kritika li taf tagħrbel u tiżen l-argumenti.
Dan qalu waqt intervista ma’ Sylvana Debono fuq il-programm Follow Up fuq RTK 103FM, fejn id-diskussjoni kienet tikkonċerna s-sistema tal-edukazzjoni f’Malta.
Il-Professur Borg spjega kif il-parentela qed timmina s-sistema edukattiva għax il-familja għadha importanti ħafna. Huwa sostna li t-tfal tal-klassi tal-ħaddiema ġeneralment ma jirnexxilhomx jittraxxendu l-istatus ekonomiku tagħhom u jispiċċaw jirripproduċu l-istat tal-ġenituri tagħhom. B’hekk, huwa qal li l-klassijiet soċjali jibqgħu jipperpetwaw ruħhom tul il-ġenerazzjonijiet u l-mobbiltà soċjali tkun fittizja.

“L-agħar li jmorru huma s-subien li ġejjin minn status soċjo-ekonomiku baxx”
Skont analiżi ta’ diversi studji tal-Professur Borg, instab li l-agħar li jmorru fl-iskola huma s-subien li ġejjin minn status soċjo-ekonomiku baxx.
Huwa spjega li r-riċerka analizzat il-ħiliet tat-tfal fil-matematika, fejn instab li tfal li ġejjin minn status soċjo-ekonomiku għoli jmorru 40% aħjar minn dawk li ġejjin minn klassijiet baxxi. Sostna li l-bniet minn kull livell soċjali dejjem imorru aħjar mis-subien tal-livell soċjali ekwivalenti, u għaldaqstant din wasslet għall-konklużjoni li l-aktar studenti żvantaġġjati huma s-subien ta’ klassi baxxa.
“Li toffri l-edukazzjoni b’xejn mhux biżżejjed”
Borg sostna li li toffri l-edukazzjoni b’xejn huwa tajjeb imma mhix biżżejjed. Hemm bżonn li s-sistema edukattiva tkun waħda newtrali, u li jkollha aċċess ġust u indaqs għal kulħadd.
Spjega li hemm bżonn li kull min joħroġ mill-iskola wara 11-il sena, joħroġ bil-kompetenzi bażiċi tas-seklu 21, jiġifieri li wieħed ikun kapaċi jaħseb, jikritika u jistaqsi dwar dak li qed jiġri madwaru. Qal li mhux biżżejjed li wieħed ikun jaf jikteb u jaqra kemm jgħaddi. Irid ikun jaf jiżen dak li jintqal u jqiegħed argument b’mod xieraq.
Waqt l-intervista, il-Professur tenna li s-sistema edukattiva f’Malta għadha wisq ossessjonata fuq il-kontenut u fuq il-kurrikulu.
Sostna li l-mentalità kritika ma’ “taqax mis-sema” u lanqas titfaċċa waħedha meta bniedem jikber, iżda hija xi ħaġa li hemm bżonn li t-tfal jitħarrġu fiha minn età tenera.