Il-lista ta’ stennija għall-housing l-inqas li kienet fl-aħħar snin – Galdes

DOI: Reuben Piscopo

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal fil-Parlament li l-lista ta’ stennija għall-housing qiegħda l-inqas li qatt kienet fl-aħħar snin.

Meta kien qed iwieġeb serje ta’ mistoqsijiet fil-Parlament, Galdes qal li bħalissa hemm madwar 2,400 applikazzjoni quddiem l-Awtorità tad-Djar għall-akkomodazzjoni soċjali. Hu stqarr li dan hu l-inqas livell possibbli fl-aħħar 20 sena, imqabbla mal-medja ta’ 3,200 applikazzjoni li jkun hemm quddiem l-Awtorità tad-Djar.

Huwa qal li bħalissa l-Gvern qed jibni 1,700 taqsima ġdida għall-housing u dan mistenni jindirizza din il-lista tal-istennija. Galdes qal li dawn it-taqsimiet mhumiex għall-bejgħ għaliex l-awtorità ma jaqbilx li tbigħhom kif kien isir fil-passat.

Galdes semma wkoll li l-Gvern qed jipprova jaħtar amministratur għal kull blokka, madankollu ħeġġeġ lil dawk li jgħixu f’dawn il-housing estates biex jieħdu ħsiebhom.

Mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus dwar il-housing fis-Siġġiewi, Galdes qal li l-Kunsilli Lokali mmexxi mill-PN għamel il-bstaten fir-roti biex dan il-proġett issa waqa’ lura. Huwa qal li ħadd ma jrid li ħdejh jinbena l-housing soċjali u din l-istigma trid tinqata’ minn dan il-pajjiż.

“Jien u l-Onoveroli Agius fid-djar tal-housing kbirna, u jien kburi b’dan,” qal il-Ministru.

F’intervent ieħor, Callus qal li l-Kunsilli Lokali kien għamel numru ta’ suġġerimenti fuq il-housing units fis-Siġġiewi u staqsa lill-ministru jekk il-Gvern ikkunsidrahomx.

Il-Ministru qal li l-uniku suġġeriment kien li l-unit tal-housing jinbidel fi ġnien pubbliku.

“Dan ma kienx aċċettabbli għalina. Din l-art ilha li waqgħet għand il-Gvern numru ta’ snin fi żmien in-Nazzjonalisti u issa għax għandna l-flus, mhux aċċettabbli ssir proposta bħal dik,” temm jgħid Galdes.