Il-lista l-griża tal-MONEYVAL: “Meteorita li riesqa lejn Malta” – Galdes

ARQ Group

Read in English.

Qed tiżdied il-possibiltà li sal-aħħar tas-sena, Malta ssir l-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea li jitniżżel fil-lista l-griża ta’ pajjiżi li għandhom riskju għoli ta’ kriminalità finanzjarja. Dan sar magħruf f’wieħed mis-siti prominenti dwar aħbarijiet relatati mal-ħasil tal-flus mad-dinja kollha u fih ġie kkwotat uffiċjal mill-Ambaxxata Amerikana f’Malta.

Dwar dan, l-eksdirettur tal-Aġenżija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) Manfred Galdes qal li f’Malta “bħal qisu riesqa lejna meteorita b’ritmu mgħaġġel” iżda jgħid li “qed nikkonvinċu lilna nfusna li għamilna biżżejjed biex ma nintlaqtux”.

Huwa qal dan filwaqt li spjega li f’Malta qisu ħadd ma jrid jaġixxi għax m’hawnx sens ta’ urġenza. Jgħid ukoll li f’Malta ma kien hawn l-ebda azzjoni li tista’ tiġi kkumparata mal-azzjonijiet li pajjiżi oħra għamlu biex jevitaw l-lista l-griża.

F’kummenti li għadda fil-midja soċjali, Galdes jisħaq li dan li ġej huwa inevitabbli u jirrakkomanda biex l-isforzi tal-pajjiż ikunu ffukati ħalli fl-inqas żmien possibbli jitnaqqsu l-ħsarat li se ġġib magħha l-lista l-griża.

Huwa staqsa wkoll għaliex il-Parlament mhux qed jiddiskuti kif se jsalva s-settur finanzjarju f’Malta filwaqt li qal li dan mhux qed isir għaliex id-deputati huma impenjati b’xi ħaġa li suppost ħelsu minnha tliet snin u nofs ilu.

Xi jfisser ir-rapport tal-MONEYVAL?

F’Settembru tas-sena li għaddiet, id-dipartiment tal-Kunsill tal-Ewropa ta’ kontra l-ħasil tal-flus, MONEYVAL, qal li Malta għandha żżid l-isforzi tagħha biex tinvestiga l-ħasil tal-flus u żżid il-prosekuzzjonijiet.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien iġġustifika r-rapport tal-MONEYVAL billi qal li dawn dejjem kienu kritiċi ta’ Malta.

Galdes ta’ sikwit kellu kliem iebes fil-konfront tal-ħidma tal-Pulizija kontra l-ħasil tal-flus. Sentejn ilu, f’konferenza organizzata mill-Istitut Malti tal-Accountants huwa kien qal li Malta kienet qed tibgħat il-messaġġ li l-kriminalità finanzjarja ma kinetx qed tiġi kkastigata.

Silenzju mill-Gvern – PN

Intant, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco qal li l-Gvern minkejja l-gravità ta’ din id-dikjarazzjoni għażel is-silenzju. De Marco qal li l-Ministru Edward Scicluna m’għamel xejn biex iwaqqaf it-tnawwir tal-istituzzjonijiet u biex jipproteġi lill-poplu Malti minn min kien qed jisirqu.

Huwa stqarr ukoll li l-inqas ħaġa li wieħed jistenna hu li l-Ministru Scicluna jerfa’ r-responsabbiltà politika tiegħu. Huwa stqarr ukoll li l-inqas ħaġa li wieħed jistenna hu li l-Ministru Scicluna jerfa’ r-responsabbiltà politika tiegħu.