Il-linji gwida dwar il-pixxini pubbliċi baqgħu l-istess minkejja ż-żieda fil-każijiet

Il-linji gwida dwar il-pixxini pubbliċi, inkluż dawk fil-lukandi, baqgħu l-istess dan ix-xahar, minkejja li l-każijiet tal-coronavirus żdiedu ġmielhom, minn qrib iż-żero għal aktar minn 500 każ attiv f’inqas minn xahar.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa, li spjegat li l-linji gwida dwar il-pixxini huma dawk li kienu ġew ippubblikati f’Ġunju.

Dawn il-linji gwida jinkludu:

  • L-ilbies tal-maskri mill-impjegati
  • Id-diżinfettar tal-pumijiet tal-bibien, tas-slielem fil-pixxini, eċċ.
  • Mekkaniżmi fl-ispas skont il-proċeduri tal-awtoritajiet tas-saħħa
  • Kull darba li jinbidlu l-klijenti li jkunu fuq is-sunbeds u li jużaw l-umbrelel, dawn iridu jiġu diżinfettati
  • Isir limitu ta’ kemm jistgħu jużaw pixxini fuq ġewwa nies fl-istess ħin, u l-klijenti jibbukkjaw ħin
  • Il-kmamar fejn ibiddlu n-nies, ix-xawers u t-tojlits iridu jkunu limitati għal massimu ta’ sitt persuni
  • Tista’ toqgħod biss persuna waħda fuq sunbed
  • Is-sunbeds iridu jkunu mbegħdin żewġ metri minn xulxin minn kull direzzjoni
  • Logħob bħal volleyball u basketball ġol-ilma m’għandux isir.

Fil-każ ta’ pixxini fuq ġewwa, dawn jistgħu jidħlu fihom nofs in-nies li normalment jistgħu jużawhom f’daqqa.

Lukandi li tkellem magħhom Newsbook.com.mt dwar dan spjegaw li ma kellhom l-ebda problemi jaddattaw għal dawn il-linji gwida, u huma lesti li jibdlu l-operat tagħhom kif jirrikjedu l-awtoritajiet tas-saħħa.

It-tieni mewġa tal-coronavirus f’Malta spuntat minn għadd ta’ attivitajiet tal-massa, ewlenin fosthom il-festa ta’ Santa Venera u party li sar f’lukanda fejn intużat il-pixxina. Dawn kienu l-ewwel żewġ clusters ta’ każijiet li mbagħad waslu biex illum Malta għandha 557 każ attiv. Illum tħabbru 72 każ ġdid tal-coronavirus, l-akbar għadd ta’ każijiet li qatt tħabbar s’issa f’ġurnata.

Aqra l-lista li jridu jsegwu l-pixxini minn hawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn