Il-linja nazzjonali tal-ajru għandha tibqa’ prijorità għall-Gvern – Il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta qalet li konnettività mtejba lejn Malta hija dejjem xi ħaġa tajba minħabba li l-industrija tat-Turiżmu tingħata spinta. Madankollu sostniet li l-linja nazzjonali tal-Air Malta għandha tibqa’ l-prijorità għall-Gvern u jeħtieġ li jsir dak kollu li hemm bżonn biex isalva l-pożizzjoni tal-linja tal-ajru fis-suq li hemm bħalissa.

Il-Kamra tal-Kummerċ argumentat għal darb’oħra, kif l-Air Malta hija ta’ importanza strateġika għall-ekonomija tal-pajjiż, biżżejjed wieħed isemmi s-settur tat-Turiżmu. Setturi oħra bħalma huwa s-settur tal-manifattura huma kompletament dipendenti fuq provvisti li jirrikjedu li jiġu minn barra. Għalhekk, il-linja tal-ajru nazzjonali għandha wkoll rwol kruċjali f’dan il-qasam, u ma tista’ bl-ebda mod titqiegħed f’xi forma ta’ periklu.