Il-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus f’Malta baqgħu fuq il-karta – Moneyval

Anti-money laundering

Skont il-gazzetta The Sunday Times, Malta ingħatat marka baxxa mill-Moneyval tal-kunsill tal-Ewropa wara li evalwaw is-sistemi Maltin ta’ kontra l-ħasil tal-flus. L-istess rapport ta’ The Sunday Times jgħid li l-gvern issa qed jipprova jara x’jagħmel biex itejjeb din il-marka qabel ma r-rapport ikun ippublikat fis-sajf.

Ir-rapport preliminari, kif irrappurtat minn The sunday Times, jgħid li Malta ma għaddietx mill-iskrutinju li sar tard is-sena li għaddiet minn Moneyval tal-kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus. Minkejja r-rapport jitfa’ dawl ikraħ fuq is-sistemi Maltin kontra l-ħasil tal-flus, il-Gvern għad fadallu ċans jirranġa l-affarijiet qabel ikun ippubblikat ir-rapport finali. Sors ikkwotat minn The Sunday Times qal li jekk Malta ma tagħmilx progress sostanzjali biex ittejjeb ir-riultat tagħha, tista’ saħansitra titqiegħed fuq ‘blacklist’.

Liġijiet tajbin, imma fuq il-karta baqgħu 

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu l kien hemm diversi pajjiżi li fallew mir-rapport preliminari u jirranġaw is-sistemi tagħhom qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport finali. L-istess sorsi qalu li l-Moneyval sabu li l-liġijiet Maltin u l-miżuri kontra l-ħasil tal-flus kienu tajbin iżda l-implementazzjoni tagħhom baqgħet fuq il-karta. B’mod partikulari, il-MoneyVal jippuntaw subgħajhom lejn il-pulizija u l-Awtorita’ Maltija dwar is-Servizzi Finanzjarji.

Fuq ħdax–il kategorija dwar effettivita’ tal-kontrolli, Malta ma jrnexxilix tikseb marka għolja fl-ebda kategorija. Dwar nofshom, Malta kisbet marka medja waqt li f’żewġ kategoriji biss, is-sistemi lokali ġew ikkonsidrati bħala tajbin biżżejjed. Ix-xahar id-dieħel, uffiċjali Maltin se jkunu f’ Strasburgu għal sessjoni ta’ mistoqsijiet bħala parti mill-assessjar biex imbagħad il-Gvern jidħol f’diskussjonijiet ma’ espert mill-kunsill tal-Ewropa qabel joħroġ ir-rapport finali f’ Lulju li ġej.