Il-liġi tippermetti ħlas baxx ħafna lill-baħħara barranin

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, qal li mhux sewwa li baħrin barranin f’Malta jitħallsu ferm anqas mill-paga minima nazzjonali, anki jekk ma tkun qed tinkiser ebda liġi.
Is-sidien li jħaddmu baħrin barranin fuq bastimenti li jorbtu f’Malta prattikament mhumiex jiksru l-liġi meta jħallsu lill-ħaddiema tagħhom b’pagi baxxi ħafna meta mqabblin ma’ dak li tistipula l-Liġi Maltija.
Dan minħabba subartiklu fl-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, il-liġi tax-xogħol f’Malta li tinkorpora l-paga minima u r-regolamenti kollha tad-dinja tax-xogħol.
Punt 39 tal-Att jispeċifika li t-tliet artikoli ta’ qablu ma jgħoddux għall-baħrin impjegati fuq bastimenti.
Dan ifisser li baħħar m’għandux id-dritt għal żmien ta’ prova fuq xogħlu, u jista’ ma jingħatax notifika li jkun se jitkeċċa jew jitwaqqaf (Punt 36), jista’ jitwaqqaf minn xogħlu mingħajr konsultazzjoni (Punt 37) u xogħlu mhuwiex garantit jekk jinbidel sid il-bastiment.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt x’jaħseb dwar din l-anomalija fil-Liġi Maltija, li tiddiskrimina mal-barranin, Bugeja qal li hemm kumplikazzjonijiet serji f’dan l-Att f’dak li għandu x’jaqsam is-settur marittimu.
Il-kumplikazzjonijiet iduru ma’ fejn tkun irreġistrata d-dgħajsa, min hu sid id-dgħajsa u l-ħaddiema minn fejn ikunu.
Newsbook.com.mt kien ippubblika kuntratt ta’ baħħar Ażjatiku, li kellu paga ta’ €400 fix-xahar u kien jgħix Malta.
Buheja qal li fl-aħħar sena u nofs iffirmaw 8 ftehimiet kollettivi ma’ individwi sabiex din l-anomalija ma tkunx tapplika għalihom. F’każijiet minnhom il-ftehim ġie ffirmat bejn il-GWU, is-sid li kien Ġermaniż u trejdunjin minn Singapor, minħabba li l-ħaddiem kien Singaporjan.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li dawn il-pagi huma sfruttament, iżda kif inhi l-liġi mhumiex illegali.
“Meta tħaddem lil xi ħadd ma tridx tara biss x’inhu legali jew le, iżda hemm prinċipji ta’ moralità. Persuna li qed tgħix Malta ma tgħixx b’€400 fix-xahar”, qal Bugeja.
Temm jirreferi għal proposta tal-GWU s-sena li għaddiet, meta kienu tkellmu mal-Ministeru tax-Xogħol, tal-Ugwaljanza u tat-Trasport u l-Infrastruttura sabiex min jidħol fl-ibħra territorjali Maltin tkun tapplika għalih il-liġi Maltija tax-xogħol, u mhux oħrajn.
Ara hawn taħt il-liġi kollha, bil-Malti