Aġġornata: Min jipprotesta u min japprova

Għadd ta’ nies inġabru quddiem il-Parlament sabiex isemgħu leħinhom kontra l-ligi għal żwieġ bejn persuni tal-istess sess.
Fi protesta paċifika u silenjuża , il-miġemgħa ta’ 30 ruħ żammet kartelluni f’idejha b’messaġġi favur iż-żwieġ bejn mara u raġel u b’messaġġi li l-ugwaljanza ma tfissirx li kulħadd għandu jkun l-istess.
Huma qed jappellaw biex il-Membri Parlamentari jivvotaw skont il-kuxjenza tagħhom.
Illejla l-Parlament mistenni jieħu l-vot dwar l-abbozz taż-żwieġ wara li dalgħodu beda t-tieni qari tal-abbozz.
Aditus jiltqa' l-liġi imma jikkritikaha li telimina l-immigranti
Intant il-grupp favur id-drittijiet umani Aditus qal li filwaqt li Malta qed tiddiskuti l-liġi għal żwieġ bejn persuni tal-istess sess, għadha lura fid-drittijiet biex l-immigranti jiżżewġu.
Fi stqarrija, l-Aditus qalet li hija kuntenta li Malta se tilleġizzla ż-żwieġ għall-persuni tal-istess sess għax qed tadotta liġijiet ugwali għal kulħadd. Madankollu saħqet li din il-liġi xorta hija diskriminatorja fil-konfront tal-immigranti għax qed timpedihom milli jiżżewġu minħabba li jiġu mitluba dokumenti li impossibbli jiġu ppreżentati.
Saħqet li l-awtoritajiet għamlu ftit li xejn biex isolvu dawn id-diffikultajiet u qed ikomplu jiċħdu ż-żwieġ lil persuni li diġà huma mwarrba mis-soċjetà. Sostna li l-abbozz ta’ liġi jinjora wkoll l-isfidi li jiltaqgħu magħhom ir-refuġjati u l-immigranti meta jiġu mitluba jagħmlu dikjarazzjoni dwarhom ftit jiem wara li jkunu waslu Malta. Saħaq li l-Gvern għandu japprezza li dawn in-nies ma jkunux f’qagħda li jagħmlu dikjarazzjonijiet dwarhom fosthom jekk humiex miżżewġa jew le.
L-Aditus qed tħeġġeġ lill-Gvern biex jirrevedi l-abbozz sabiex verament ma jkunx diskriminatorju u kulħadd ikollu dritt li jiżżewweġ.
Intant l-LGBTI+ Gozo laqa’ d-diskussjoni li għaddejja dwar l-abbbozz ta’ liġi taż-żwieġ. Fi stqarrija l-grupp saħaq li din il-liġi għandha timxi id f’id mal-edukazzjoni sabiex verament is-soċjetà tkun tolleranti u taċċetta lil kulħadd.
Ritratt: Ian Noel Pace (arkivji)