“Il-liġi tas-Samaritan it-Tajjeb trid tinkiteb mill-ġdid” – Bonnici

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Gvern irid jerġa’ jikteb mill-ġdid il-liġi proposta tas-Samaritan it-Tajjeb. Spjega li din il-liġi kif ippreżentata mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija fqira wisq u qal li hi “liġi b’erba’ jew ħames klawsoli biss”.

Din il-liġi li tipprovdi bażi legali li min ikollu l-inizjattiva biex jagħti l-Ewwel Għajnuna kienet diskussa fl-aħħar seduta tal-Parlament qabel il-vaganzi tas-sajf.

Il-Ministru qal li l-Gvern iddiskuta din il-liġi u l-membri kollha qablu li din il-liġi għandha titressaq quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali biex issir konsultazzjoni wiesgħa. Kompla jispjega li b’hekk, il-liġi tinkiteb mill-ġdid fi stadju ta’ kumitat.

Il-Ministru Bonnici qal li “għalkemm inkiteb b’intenzjonijiet tajba, il-liġi trid tinkiteb mill-ġdid”. Saħaq li jekk il-Parlament jgħaddi din il-liġi kif inhi taf toħloq problemi fil-futur. Fisser ukoll li “ma tistax iddaħħal il-prinċipju fil-liġi abbażi ta’ liġi Amerikana”.

“Rispett lejn il-ħajja permezza ta’ din il-liġi” – Claudio Grech

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech fetaħ id-dibattitu dwar il-liġi tas-Samaritan it-Tajjeb billi spjega l-intenzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista għal din il-liġi. Huwa qal li b’din il-liġi qed jiddaħħal kunċett aktar realistiku għar-rispett lejn il-ħajja.

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia rringrazzjat lill-għaqdiet u l-istakeholders kollha li għandhom x’jaqsmu mal-Ewwel Għajnuna.

Comodini Cachia qalet li dawn l-għaqdiet kollha qalu lill-Oppożizzjoni li ma hemmx ħin x’jintilef biex il-liġi tiddaħħal fil-liġijiet Maltin. Staqsiet għalfejn il-Ministru jrid jibgħat il-liġi lill-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali u ma jipproċedix normali biex il-liġi tgħaddi fl-inqas żmien.