Il-liġi tal-whistleblower se tiġi emendata skont Direttiva Ewropea

Se tiġi emendata, skont id-Direttiva Ewropea, il-liġi għall-protezzjoni ta’ whistleblowers magħrufa  bħala l- Whistleblower’s Act,ilha fis-seħħ mill-2013.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis waqt żjara li għamel fl-Uffiċċju tad-Direttorat: Strategy Support fil-Belt Valletta.

Ġie spjegat li r-responsabbiltà tad-Direttorat hija li l-Gvern ikun mgħarraf u mħarreġ sabiex id-dritt fundamentali tal-privatezza jkun salvagwardjat.

Sal-aħħar ta’ Diċembru 2021 din il-liġi se tkun emendata skont id-Direttiva Ewropea. Id-Direttorat se jkun inkarigat li jara li t-traspożizzjoni ssir skont iċ-ċirkostanzi u l-qafas legali nazzjonali.

Ħidma prinċipali tad-Direttorat kienet dwar id-dħul tar-Regolament Ġenerali Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (GDPR), liema regolament irid ikun applikat kemm mill-individwi kif ukoll minn entitajiet u intrapriżi.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li d-Direttorat ser jibqa’ jgħin sabiex il-Gvern ikompli jħares l-obbligi u jsaħħaħ id-drittijiet tal-individwu fil-qasam tal-privatezza, l-aċċess għall-informazzjoni, u fi trasparenza u governanza xierqa.