Il-liġi tal-koabitazzjoni titneħħa wara biss tliet snin

Abbozz ta’ liġi ġdid dwar il-koabitazzjoni bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament wara li l-liġi introdotta tliet snin ilu se titneħħa minħabba li ma bdietx titħaddem kemm mill-avukati kif ukoll min-nutara.  

13-il kuntratt biss

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li l-liġi li daħlet fis-seħħ f’April 2017, ġiet emendata fl-2018 u issa qed tinbidel kompletament. Hija qal li bejn 2017 u 2019 kien hemm biss 13 -il kuntratt ta’ koabitazzjoni.

Buttigieg qalet li fil-liġi preżenti teżisti sitwazzjoni ta’ koabitazzjoni unilaterali fejn meta persuna weħida u mhux koppja tista’ tiddikjara li kienet f’koabitazzjoni u dan iwassal għal għarfien tal-istatus ta’ koabitazzjoni.

Is-soċjetà mibnija fuq iż-żwieġ

Hija qalet li jdher li liġi l-ġdida ta’ koabitazzjoni se jingħata rank ċivili u staqsiet jekk dan ifissirx li se jsir xi reġistru. “Iż-żwieġ jagħti iktar ċertezza u s-soċjetà hi mibnija fuq iż-żwieġ,” hi qalet.  Hi stqarret li l-Gvern Laburista li jiftaħar li hu progressiv kellu liġi tajba li bl-emendi li qed jiġu proposti jidher li qed jirtirha.

Il-kelma poġġuta kienet tabù

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li għal snin twal il-kelma poġġuta kienet tabù għax il-Partit Nazzjonalista f’25 sena ma rnexxilux jgħaddi liġi biex jagħti l-individwu dritt li jagħżel hu l-istat tiegħu. Min-naħa tiegħu hu rnexxilu joħroġ b’liġi fi tliet xhur wara konsultazzjoni mal-kamra tal-avukati u n-nutara.

Il-Ministru qal li qed jieħu in konsiderazzjoni ukoll is-suġġerimenti li għamlet l-Oppożizzjoni permezz tal-Kap Adrian Delia kif ukoll id-deputat Buttigieg.