Il-liġi tal-kera: x’hemm ġdid?

Il-liġi tal-kera l-ġdida tindirizza numru konsiderevoli ta’ bidliet

Għal liema kirjiet tapplika l-liġi l-ġdida?

Mill-1 ta’ Jannar ta’ dis-sena daħlet fis-seħħ il-liġi dwar il-kirjiet residenzjali privati. Din il-liġi tirregola kirjiet ġodda li se jsiru jew li se jiġu mġedda matul din is-sena. Il-liġi tapplika wkoll għal kirjiet li saru wara l-1 ta’ Ġunju 1995 iżda qabel l-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena u li se jkunu għadhom fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.

L-obbligu tar-reġistrazzjoni

Waħda mill-iktar regoli importanti f’din il-liġi l-ġdida hija li l-kuntratt tal-kera jrid jiġi reġistrat mis-sid mal-Awtorità tad-Djar f’10 jiem minn meta tibda l-kirja. Fin-nuqqas ta’ dan, il-kerrej jista’ jirreġistrah huwa stess, bi spejjeż għal sid il-kera. 

Jekk dan il-kuntratt ma jiġix reġistrat mal-Awtorità tad-Djar, il-kuntratt jitqies null u bla effett u ma jkunx jista’ jiġi infurzat fil-Qrati Maltin. Minbarra dan, is-sid jista’ jeħel bejn €2,500 u €10,000 multa. Il-kuntratt tal-kera jiġi rreġistrat online fuq https://rentregistration.mt/

X’rekwiżiti hemm biex kuntratt ta’ kera jitqies validu?

Minbarra li jkun irreġistrat, il-kuntratt għandu jkun bil-kitba u jkollu seba’ rekwiżiti. Fin-nuqqas ta’ wieħed minnhom, il-kuntratt ikun null. 

Fil-kuntratt iridu jinkitbu s-segwenti: (a) deskrizzjoni tal-fond li se jinkera; (b) l-użu miftiehem tal-fond mikri; (ċ) iż-żmien li għalih il-fond se jinkera; (d) jekk il-kera tistax tiġġedded u kif; (e) l-ammont tal-kera u l-mod kif dan għandu jitħallas; (f) kwalunkwe ammont depożitat mill-kerrej bħala garanzija għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu; u (g) inventarju, f’forma ta’ evidenza dokumentarja, li jafferma l-kundizzjoni tal-fond kif ukoll l-istat ta’ kwalunkwe għamara u apparat domestiku fornuti minn sid il-kera.

Il-liġi titkellem ukoll dwar x’ma jistax jinkiteb fil-kuntratt. Jekk dawn il-klawżoli jinkitbu xorta, dawn jitqiesu bla effett u qishom qatt ma nkitbu. Eżempju: f’kuntratt ta’ kera ma jistax jinkiteb li s-sid mhuwiex responsabbli f’każ ta’ difetti moħbija fil-proprjetà, bħal ħsara strutturali fil-binja. Din ir-responsabbiltà tas-sid toħroġ mill-Kodiċi Ċivili ta’ Malta. Għalhekk, jekk fil-kuntratt tal-kera jinkiteb li s-sid mhux responsabbli f’każ li jaqa’ xi saqaf matul il-kirja, din il-klawżola titqies mingħajr effett u qisha qatt ma saret.

F’ħarġa aktar tard se nwieġbu dawn il-mistoqsijiet: (1) Il-liġi l-ġdida tillimita t-terminu tal-kirja? (2) Jista’ l-kerrej jittermina l-kirja meta jrid? (3) Hemm xi limitu stipulat mil-liġi rigward l-ammont tal-kera?

Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.