“Il-liġi tal-IVF ma tiddiskriminax mal-omosesswali” – Dr Michael Asciak

L-eks Chairman tal-Kumitat tal-Bioetika t-Tabib Michael Asciak qal li l-Kumitat qagħad attent ħafna li l-liġi tal-IVF ma tiddiskriminax.

Dan fir-rigward tal-oġġezzjoni min-naħa ta’ gruppi li jaħdmu favur persuni omosesswali.

L-eks Chairman qal li meta l-Kumitat wasal għad-deċiżjoni dehrlu li l-aħjar ġenituri għat-tfal għandhom ikunu l-ġenituri bioloġiċi.

Il-liġi tal-IVF tqis li din tista’ ssir bejn il-koppji bijoloġiċi u mingħajr ma ssir donazzjoni mit-tielet persuna.

Michael Asciak jaqbel mal-kitba tal-Isqof Charles J. Scicluna, fil-blog tiegħu fuq Newsbook.com.mt, li biex koppja omosesswali jkollha wild irid ikun hemm it-tielet persuna involuta.

Asciak enfasizza kif il-Liġi ta’ Malta lanqas lill-koppji eterosesswali ma tippermetti li jaċċettaw donazzjoni ta’ sperma jew bajd.

Fir-reazzjoni tagħha Gaby Calleja mill-Malta Gay Rights Movement, qalet li l-Isqof Scicluna, fil-kitba tiegħu, jagħmel differenza bejn l-ugwaljanza u d-diversità qishom dawn m’għandhomx x’jaqsmu ma xulxin.

Qalet li l-bżonnijiet mhux neċessarjament ikunu l-istess imma kulħadd ikollu l-istess aċċess għad-drittijiet huwa valur importanti ħafna. Dan ukoll fir-rigward tal-IVF.

Fil-blog tiegħu L-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna jsostni li ma tkunx omofobiku jekk tirrispetta l-fatt li koppji omosesswali huma differenti minn dawk eterosesswali. Isostni li dan jgħodd ukoll għall-liġijiet.

L-Isqof Scicluna jenfasizza li l-koppji omosesswali mil-lat bijoloġiku ma jistgħux ikollhom wild ġdid u dan għaliex ikun hemm il-bżonn tat-tielet persuna.