Iffriżar Embrijuni: Avukat bi protest għax l-emendi “kontra l-ħajja”

Read in English.

L-avukat Tonio Azzopardi ressaq protest kostituzzjonali li fih talab lill-qorti tiddikjara li l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun 2018 bħala wieħed li qed jikser id-dritt għall-ħajja tal-embrijun.

Dan il-protest tressaq kontra l-Avukat Ġenerali tal-Gvern fejn l-avukat Azzopardi qed isostni li fis-sistema legali Maltija, l-ħajja għandha tiġi protetta mill-konċepiment. Qal li l-iffriżar tal-embrijuni jmur kontra Artiklu 33 tal-Kostituzzjoni, kif ukoll kontra Artiklu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

L-Avukat Tonio Azzopardi sostna li l-Avukat Ġenerali għandu l-obbligu pożittiv li jiddefendi l-ħajja.

Kompla jgħid li l-prokreazzjoni għandha biss issir permezz ta’ relazzjoni bejn mara u raġel. Temm jgħid li dawk il-ġenituri waħidhom li jwelldu tfal mingħajr omm jew missier, mhux biss qed imorru kontra l-interessi tal-ulied iżda tfisser ukoll trattament inuman u degradanti.

“Għandu kull dritt jikkontesta din il-liġi” – il-Gvern

Intant b’risposta għal dan, il-Gvern qal li Dr Azzopardi għandu kull dritt jikkontesta din il-liġi, iżda spjega li dan il-proċess beda wara l-elezzjoni ġenerali, u kompla permezz ta’ perijodi ta’ konsultazzjoni u dibattiti parlamentari.

Il-Gvern sostna li l-kummenti li għadda Dr Azzopardi dwar it-tfal minn ġenituri waħidhom, huma diskrimantorji u jweġġgħu lill-istess ġenituri waħidhom.