Awdjo: ​“Il-liġi tal-midja Maltija iktar stretta minn dik tar-Russja”

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Liġi tat-Teknoloġija Dr Antonio Ghio qal li l-liġi proposta tal-midja mhux biss se toġħloq preċedent fl-Unjoni Ewropea, iżda hija iktar stretta minn dik tar-Russja.
Semma kif l-abbozz ta’ liġi fih affarijiet tajbin, fosthom dik li jitneħħa l-libell kriminali, iżda qal li ma kienx qed jistenna li se jkollu affarijiet oħra bħalma huwa r-Reġistru tal-Midja.
Waqt intervent fil-programm “Newsbook” fuq RTK dalgħodu, Dr Antonio Ghio qal li f’dan l-abbozz qed jiġu introdotti ħafna affarijiet li ma jeżistux f’pajjiżi oħra.  Spjega li huwa żball li d-dinja tal-internet qed titqiegħed fuq l-istess keffa ta’ kif jiġu regolati l-gazzetti tradizzjonali għax sostna li dawn għandhom realtajiet għal kollox differenti minn xulxin.
Dr Ghio saħaq li liġi bħal din għandha tkun newtra għat-teknoloġija, jiġifieri li ma tagħmilx aċċenn speċifiku għat-teknoloġija, iżda tipprova tirregola l-prinċipju. Dwar il-malafama, spjega li jekk il-Qrati Maltin diġà qiegħdin applikaw dan il-kunċett għal materjal li jittella’ fuq l-internet, allura ma jagħmilx sens li jiddaħħlu terminoloġiji u obbligi ġodda bġalma huma dawk tal-reġistrazzjoni tal-midja.
Meta mistoqsi dwar il-protezzjoni tas-sors, qal li din hija kwistjoni għal kollox distinta mir-reġistrazzjoni tal-midja u li dawn ma għandhomx jitħalltu flimkien. Temm jgħid li l-protezzjoni tas-sors hija xi ħaġa relatata man-natura tax-xogħol ġurnalistiku.