Il-liġi ta’ riforma dwar id-droga tidħol fis-seħħ mil-lum

Illum tidħol fis-seħħ il-liġi li tneħħi minn reat l-użu ta’ ċertu tipi ta’ droga.
Dan ifisser li mil-lum, persuni li jinqabdu b’mhux aktar minn żewġ grammi droga jew inqas minn 3.5 grammi kannabis se jibdew jidhru quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja minflok jitressqu l-Qorti.
Se jingħataw multi, minflok ħabs, waqt li dawk li jinqabdu bi kwantità akbar jitressqu l-Qorti quddiem Maġistrat minflok jgħaddu ġuri.
Il-bidla fil-liġi tipproponi rijabilitazzjoni minflok ħabs waqt li tittratta politika ġdida għall-użu tal-kannabis għal skopijiet mediċinali.
Min jinqabad għat-tieni darba bid-droga jkollu jidher quddiem il-Bord għar-Rijabilitazzjoni mid-Droga.
Il-liġi daħlet fis-seħħ wara li, is-sena li għaddiet, il-Gvern kien fetaħ perjodu ta’ konsultazzjoni qabel beda jiddiskutiha fil-Parlament.
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici, iddeskriva din il-liġi bħala waħda li tgħin lill-vittmi ġenwini tad-droga biex joħorġu mill-vizzju kiefer. Fl-istess ħin, il-liġi żżomm id tal-azzar fejn jidħlu l-barunijiet tad-droga.
Spjega li r-riforma fil-liġijiet wasslet biex il-poter tad-deċiżjonijiet ingħata lil min jifhem ir-realtajiet soċjali u għalhekk inħatar Kummissarju tal-Ġustizzja li ġejja mill-qasam tal-kura u r-rijabilitazzjoni tad-droga.
Anke l-bord, li se jagħti pariri lill-vittmi tad-droga u lill-Qrati, se jkun magħmul minn professjonisti fil-ħidma soċjali. 
Il-Gvern qal li l-pass li jmiss hu li tkompli l-ħidma kontra t-traffikanti puri tad-droga bit-twaqqif, mal-privat,  ta’ Asset Recovery Bureau effettiv “ħalli min jistagħna mill-flus maħmuġa tad-droga jrodd lura dak li jkun seraq”.