Il-liġi Spanjola tħallihom ikabbru l-kannabis; f’Malta spiċċaw il-Qorti

Il-liġijiet Maltin u dawk Spanjoli fuq id-droga tqiegħdu ras imb ras fil-Qorti lbieraħ, meta tressqu 2 nisa Spanjoli l-Qorti għaliex inqabdu b’19-il gramma reżina u pjanta tal-kannabis f’darhom.

In-nisa, waħda ta’ 27 sena u l-oħra ta’ 31 sena, tressqu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech taħt l-akkużi li kabbru pjanta tal-kannabis, li impurtaw reżina tal-kannabis u li kellhom id-droga fil-pussess tagħhom.

L-Ispettur Frank Anthony Tabone qal lill-Qorti li ż-żewġ nisa kienu ilhom joqogħdu Malta għal sena. Huwa spjega li fi Spanja, huma permessi li jkollhom sa 20 gramma kannabis, u li jkabbru sa 2 pjanti fid-dar, iżda l-liġi Maltija dwar il-kannabis hi iżjed riġida. L-akkużati wieġbu ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Il-Qorti tat lin-nisa sentenza ta’ sena ħabs, sospiża għal sentejn, iżda ordnat li jinqerdu d-droga u l-oġġetti użati għaliha.