​Il-liġi qed tintuża biex jinqered wirt kulturali – PD

Il-Partit Demokratiku qal li lakuni fil-liġijiet għandhom jingħalqu għax qed jintużaw biex jinqered wirt kulturali.
Fi stqarrija, il-PD qal li l-Ordnijiet tal-Iżvilupp (Removal of Danger) intużaw biex Villa Sant’Injazju tinqered b’impunità.
Skont il-PD, l-indipendenza tal-istituzzjonijiet u ostakli għall-appuntamenti politiċi huma fost l-aktar kwistjonijiet pressanti f’Malta. Qal li l-effett ta’ dan kollu se jinħass meta jkun tard wisq.
Il-PD sejjaħ biex tingħata setgħa akbar lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u sejjaħ ukoll għal aktar riżorsi u indipendenza għas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.
Il-PD qal li hemm bżonn aktar inċentivi biex jiġi restawrat bini antik u biex spazji pubbliċi jiġu protetti. Il-partit qal li d-ditta ta’ Malta u l-istorja tal-pajjiż “huma parti integrali tal-prodott offrut mhux biss liċ-ċittadini tal-pajjiż, iżda anke lid-dinja”.
Skont l-istess partit hemm ukoll il-bżonn ta’ aktar inċentivi biex żoni bħal tal-Pietà jerġgħu jingħataw ħajja ġdida.
Il-Partit Demokratiku enfasizza li trid tittieħed azzjoni kontra dawk li wettqu xi reat kontra l-wirt kulturali, bħal kif ġara fil-każ ta’ Villa Sant’Injazju. Fi kliem il-PD, jekk wieħed ma jkunx iebes fil-konfront tal-abbuż, l-abbuż se jkompli jiżdied
Il-PD sfida lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jgħid għaliex mhux se jħalli studji relevanti jsiru għall-Masterplan Nazzjonali.