“Il-liġi proposta torbot idejn it-tmexxija tal-iskejjel tal-Knisja” – ġenitur

Il-liġi proposta tal-ugwaljanza torbot idejn it-tmexxija tal-iskejjel tal-Knisja. Hekk qalet Karen Buttigieg, ġenitur li ġiet intervistata waqt il-programm Morning Show fuq 103 Malta’s Heart.

Fl-intervista Buttigieg stqarret li skejjel tal-knisja għandhom ikunu differenti għaliex qalet li tajjeb li l-ġenituri jkollhom għażla. Spjegat li jekk l-iskejjel tal-Knisja ma jitħallewx imexxu bl-etos tagħhom, l-għażla għal dawn il-ġenituri tkun “għażla tal-isem biss”.

Fissret li l-liġi torbot ħafna l-idejn tat-tmexxija tal-iskejjel tal-Knisja fosthom fil-mod kif jiġu ngaġġati għalliema u amministraturi tal-iskejjel. Hija spjegat ukoll li kawża ta’ din il-liġi, ċertu messaġġi Nsara jridu jgħaddu biss fil-lezzjonijiet tar-Reliġjon. B’hekk hija qalet li “t-tagħlim Nisrani qed jiġi ristrett biss għal-lezzjoni tar-reliġjon li jfisser bħal kull skola oħra”.

Ilbieraħ, l-Isqfijiet Maltin qalu li huma kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni. Minkejja l-approvazzjoni tagħhom l-Isqfijiet fi stqarrija urew tħassib dwar ċerti klawżoli fl‑abbozzi li għandhom implikazzjonijiet serji għax, skonthom, se joħonqu l‑libertà tal‑bniedem.

“Skejjel tal-Knisja għandhom iżommu l-etos tagħhom”

Hija stqarret li l-ġenituri jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skejjel tal-Knisja għaliex jixtiequ li dak li uliedhom ikunu qiegħdin jgħixu fl-iskola jkun jikkumplimenta dak li jkun qed jiġi promoss fid-dar. Saħqet li għalhekk l-etos tal-iskola huwa importanti. Spjegat li dan isir fl-aspetti kollha tal-ħajja tal-iskola u mhux riservat biss għal-lezzjonijiet tar-reliġjon.

It-tħassib dwar l-Att dwar l-Ugwaljanza qed ilissnuh għadd ta’ vuċijiet oħrajn fosthom professjonisti bħalma huma t-tobba kif ukoll l-ispiżjara.

Int taqbel ma’ din il-liġi kif proposta?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt