“Il-liġi ġdida tnaqqas l-importanza tal-aħjar interess tat-tfal”

Il-liġi ġdida dwar l-ugwaljanza, imħejjija mill-Ministeru tal-Libertajiet Ċivili, tnaqqas l-importanza ta’ dak li hu l-aħjar interess tat-tfal.
Save the Embryo Protection Act-Malta qed isostni dan hekk kif tisħaq li l-att kif qed jiġi ppreparat se jiftaħ it-triq biex kull persuna, inkluż mara weħidha, raġel waħdu jew koppji gay ikunu jistħu jakkwistaw l-ulied tagħhom billi jġibu bajda minn x’imkien u sperma minn x’imkien ieħor, u b’aċċess għas-servizzi mediċi kollha nkluż l-IVF.
Il-grupp qed jisħaq li l-liġi se tirriduċi lit-tfal għal-livell ta’ propjetà li tiġi akkwistata u se toħloq kultura li t-tfal qegħdin hemm biex jagħmlu l-kbar kuntenti minflok il-ġenituri li jkunu hemm għat-tfal.
Qed jinsisti li l-ulied se jinqatgħu minn parti mill-wirt ġenetiku tagħhom, u li waqt li ngħad li hemm lok għal konsultazzjoni, kollox hu ppjanat u mwiegħed fil-Pjan ta’ Azzjoni għal-LGBTIQ 2015-2017. 
Fl-istess ħin, il-grupp qed jikkritika lill-Oppożizzjoni li mhix tagħti kontribut xieraq fid-dibattitu.
Jinsisti li kull relazzjoni hi ndaqs fir-rispett u d-dinjità imma mhux kull relazzjoni hi l-istess, u li l-liġi ġdida ġġib lil kulħadd l-istess mingħajr ma tqis il-konsegwenzi fuq l-ulied tant li ttihom inqas importanza mill-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal li Malta kienet iffirmat.