Read in English.
Il-kumpanija internazzjonali Lidl mistennija tkabbar il-preżenza tagħha f’Malta bl-akkwist ta’ erba’ supermarkets lokali tal-kumpanija Scotts.
Il-gazzetta MaltaToday irrappurtat li Lidl qiegħda toffri madwar €35 miljun biex takkwista dawn l-erba’ supermarkets li s’issa għadu mhuwiex magħruf f’liema lokalità jinsabu. Il-kumpanija Scotts, li tagħmel parti minn Said Investments, preżentament tmexxi seba’ supermarkets li jinsabu Ħ’Attard, in-Naxxar, Burmarrad, Santa Luċija, Tas-Sliema, Ħaż-Żabbar u Fleur-de-Lys.
Il-Lidl fetħet l-ewwel supermarket f’Malta fl-2008 u llum għandha tmien supermarkets madwar il-gżejjer Maltin.
Kelliem għal-Lidl qal mal-MaltaToday li din il-kumpanija qiegħda tiġi evalwata mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u li l-kumpanija Scotts mistennija tkompli topera s-supermarkets li mhumiex parti minn dan it-trasferiment.
Intant, is-sena li għaddiet, l-Awtorità tal-Ippjanar ipposponiet id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni biex jinbena l-istabbiliment tal-kumpanija Lidl f’Ħaż-Żebbuġ f’art ‘il barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ).