Pilatus Bank: Neħħu l-liċenzja llum – PN; il-PM m’għandux poter – PL

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-liċenzja tal-Bank Pilatus għandha tiġi revokata sal-lum.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qorti, Delia qal li l-Gvern Malti huwa obbligat jieħu azzjoni biex isalva r-reputazzjoni ta’ Malta. Dan wara li ħarġet l-aħbar li s-sid u ċ-ċermen tal-Bank Pilatus ġie arrestat it-Tlieta fl-Istati Uniti fejn qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani.
Delia qal li Malta ilha s-snin tibni r-reputazzjoni tas-servizzi finanzjarji tagħha, reputazzjoni li skont Delia l-Gvern se jkun qed iħott f’ħakka t’għajn.
Delia qal li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-Prim Ministru Joseph Muscat għandhom jerfgħu r-responsabbilità għall-inazzjoni tal-Gvern fil-konfront ta’ Pilatus.
Fi kliem Delia, il-Bank Pilatus huwa bank li jassisti lil ftit għexieren ta’ nies jagħmlu tranżazzjonijiet illeċiti.
L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) bħalissa qed tiddeċiedi x’se jiġri mil-liċenzja tal-Bank Pilatus.
"Delia jammetti li l-PM m'għandux poter jirtira l-liċenzja tal-Bank Pilatus" – PL
Il-Partit Laburista saħaq li Delia kellu jirtira dak li aktar kmieni qal fi tweet, wara li ammetta li l-Prim Ministru m'għandu l-ebda boter li jirtira l-liċenzja tal-Bank Pilatus.
Fi stqarrija, il-PL spjega li f'Malta hawn istituzzjonijiet li jaħdmu indipendentament mill-Gvern u li jirregolaw l-istituzzjonijiet finanzjarji.
Fl-istess stqarrija, il-PL ħass li kellu jfakkar li l-applikazzjoni tal-bank bdiet fi żmien Gvern Nazzjonalista u sostna li kien eks Ministru tal-istess Gvern li ħajru biex jiġi Malta.
"Il-PN irid il-poter f’idejn il-politiċi u mhux awtoritajiet indipendenti" – PL
U fi stqarrija oħra, il-PL qal li l-PN irid li l-poter ikun f'idejn il-politiċi, u mhux f'idejn l-awtoritajiet indipendenti.
Talab lill-PN biex jagħmel dikjarazzjoni ċara jekk hix din il-politika tiegħu llum.
"F’dak il-każ ikun ifisser li l-PN ikun qed imur lura minn sistema li għal diversi snin kien hemm qbil dwarha", ittemm l-istqarrija.
Filmat: Ian Noel Pace