“Il-liċenzja ta’ Nexia BT ġiet sospiża nkiss inkiss- Grech

Dr Bernard Grech, wieħed mill-kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, qal li wara żvilupp ieħor indipendenti minn dan fejn nkiss inkiss, ġiet sospiża l-liċenzja għall-bejgħ tal-passaporti li kellha n-Nexia BT, proġett ieħor li kellu bħala salesman tiegħu lil Joseph Muscat li bħala Prim Ministru dar l-erbat irjieħat tad-dinja jbiegħ passaporti fi skema li spiċċat ħammritilna wiċċna u wasslet biex isem pajjiżna qed jissemma għar-raġunijiet żbaljati, b’Nexia BT li spiċċat b’sidha arrestat u investigat fuq tixħim, il-poplu Malti u Ghawdxi jrid jibda paġna ġdida.

Grech sostna li l-Gvern qed jipprova jieħu l-mertu ta’ dawn l-iżviluppi li qed iseħħu malajr, pero ħadd mhu se jnessi li dan hu l-istess Gvern, “magħmul fil-maġġoranza mill-istess nies, li sa’ ftit ilu kienu qed jiftaħru bil-ħbiberija tagħhom mal-klikka kriminali li ħatfet Kastilja.”

Il-liċenzja tal-kumpanija Nexia BT biex tbiegħ il-passaporti Maltin bħala ġarti mill-Programm ta’ Investiment Individwali (IIP) ġiet sospiża. Din is-sospensjoni seħħet jumejn wara li l-assi tal-kumpanija ġew iffriżati fuq ordni tal-Qorti.

Dan tħabbar mill-Agenzija Maltija għall-IIP, fejn ħabbret li ssosspendiet uffiċċjalment il-liċenzja tal-kumpanija li topera bil-kodiċi IIP 003 bl-isem BT International u Nexia BT. BT International hija kumpanija ta’ Nexia BT.

Karl Cini kien reġistrat bħala l-persuna li wieħed għandu jikkuntattja fil-lista tal-aġenti tal-bejgħ tal-passaport. Cini, flimkien ma’ Brian Tonna, li t-tnejn huma msieħba ma’ Nexia BT, ġew arrestati mill-Pulizija.