Il-libreriji trasferiti għal taħt il-Ministeru tal-Kultura; iċ-Chairman tal-KNK kontra

Aġġornat 06:33 PM

Read in English.

Il-libreriji ġew trasferiti taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Kultura, u m’għadhomx jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni. Iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb talab li din id-deċiżjoni tiġi revokata.

Fuq Facebook, Mark Camilleri qal li huwa kontra din id-deċiżjoni. Stqarr li hu lest jikkopera mal-Gvern, “iżda l-Gvern ma jistax jieħu deċiżjonijiet arbitrarji kontra l-interessi tal-industrija tagħna.”

Saħaq li jekk ikun hemm il-ħtieġa, jitlaqqa’ Kungress Nazzjonali tal-Awturi b’emerġenza sabiex tittieħed pożizzjoni. Spjega li l-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-entitajiet tiegħu jaħdmu f’qafas teknokratiku, u s-sitwazzjoni tal-Ministeru tal-Kultura hija differenti minn dan ir-rispett.

Camilleri qal li “dan huwa sinjal ta’ kif se jimxu l-affarijiet ‘il quddiem u xejn mhu sinjal tajjeb.”

“Il-Ministeru issa iktar wiesa'” – Il-Ministru Herrera

Mistoqsi għar-reazzjoni tiegħu dwar dan, il-Ministru José Herrera qal li ma jaqbilx mal-kummenti ta’ Camilleri. Spjega li din il-bidla saret peress li l-Ministeru twessa’ u sar jinkludi l-arkivji nazzjonali, il-libreriji u anke kulma għandu x’jaqsam mal-lingwa Maltija. It-titlu uffiċjali tal-Ministeru huwa l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.

Meta Robert Abela ġie elett bħala l-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista, u allura Prim Ministru, ir-reazzjoni ta’ Camilleri kienet li rreżenja minn delegat tal-Partit Laburista fl-Isla.