Il-librerija tal-Università miftuħa mill-ġdid; x’inhuma l-miżuri?

Civic Epistemologies

Il-librerija tal-Università, li għadd ta’ riċerkaturi, kbar u żgħar, jirrikorru għaliha għall-istudji tagħhom, reġgħet fetħet il-bibien tagħha nhar il-Ġimgħa li għadda, wara madwar xahrejn magħluqa minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Madankollu, kellhom jidħlu fis-seħħ għadd ta’ miżuri preventivi sabiex tiġi kkontrollata din l-imxija. Dawn ġew ikkomunikati lill-istudenti universitarji permezz ta’ email.

Il-librerija nfetħet mill-ġdid peress li lbieraħ il-Gvern kompla jillaxka l-miżuri f’kull qasam tal-ħajja, b’ordni lill-ħaddiema kollha biex jirritornaw għax-xogħol, inkluż in-nies vulnerabbli.

X’inhuma l-miżuri meħudin fil-librerija?

  • L-użu ta’ żoni tal-istudju u skrivaniji mhux se jkun permess
  • Il-librerija se tiftaħ biss sabiex jiġu missellfa l-kotba u sabiex wieħed jara sorsi ta’ referenza
  • Kull min jidħol fil-librerija jrid jilbes maskra jew visor
  • Fid-daħla se tiġi ċċekkjata t-temperatura ta’ kull persuna
  • Għall-użu ta’ sorsi ta’ referenza, dak li jkun għandu jibbukkja appuntament ta’ nofs siegħa billi jibgħat email fuq melitensia.lib@um.edu.mt jew library@um.edu.mt

Il-librerija bħalissa qiegħda tiftaħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8am u l-5pm, u din tibqa’ l-iskeda sa tmiem Ġunju. Il-ħinijiet ta’ ftuħ tas-sajf għandhom jitħabbru dalwaqt.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn