Il-librerija tal-Junior College bi proġett biex tiġbor il-programmi tal-festi

Facebook

Il-librerija tal-Junior College bdiet proġett sabiex tiġbor il-programmi jew kotba tal-festi Maltin tul is-snin.

Fi grupp li kkreaw il-librara fuq Facebook bl-isem Kollezzjoni Programmi tal-Festa, huma spjegaw li wara li bdew il-kollezzjoni b’xi ftit minn dawn il-kotba ‘l hemm u ‘l hawn, intebħu bil-potenzjal li fihom għar-riċerka.

“Dawn il-kotba tal-festi ma fihomx biss informazzjoni relatata mal-festi, pereżempju fejn jidħol l-armar u l-bqija, imma hemm ukoll artikli fuq l-istorja soċjali, l-istorja letterarja u l-istorja mużikali. Ħafna minn din ir-riċerka ssir minn dilettanti – jew inkella nies li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala l-istorjografi tar-raħal.”

Ġie spjegat li aktar ma jgħaddi ż-żmien, dawn il-fuljetti aktar qed ikun fihom artikli u riċerka miktubin minn esperti fil-qasam tal-mużika, tar-restawr, tal-arti u tal-istorja.

Min jixtieq jagħmel kontribut, iżur il-kollezzjoni jew jixtieq jkun jaf aktar informazzjoni fuq dan il-proġett huwa mħeġġeġ jikkuntattja lil-librara billi jibagħtilhom messaġġ fuq Facebook jew fuq l-indirizz elettroniku juniorcollege.lib@um.edu.mt, inkella jista’ jċempel fuq 2590 7237. Wieħed jista’ anke jissieħeb fil-grupp Kollezzjoni Programmi tal-Festa fuq Facebook biex isegwi l-andament tal-proġett.

Nixtiequ nirringrazzjaw lill-Għaqda Mużikali Viżitazzjoni talli għoġobha tgħaddilna xi pubblikazzjonijiet maħruġa…

Posted by Junior College Library – University of Malta on Thursday, August 8, 2019