Awdjo: “Il-Libjani ma jridux min jippridkalhom, imma min jgħinhom”

L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li sa issa minkejja li għaddew kważi sentejn, jidher li l-Libja għadha ma sabitx il-formula tat-tmexxija u s'issa qed jgħixu bi Gvernijiet temporanji. 
F'intervista fuq RTK, Dr Gonzi spjega kif meta kellu laqgħa mal-ewwel Prim Ministru Libjan, wara li tneħħa r-reġim ta' Muammar Gaddafi, tkellmu dwar diversi suġġetti fosthom l-immigrazzjoni, xogħol, edukazzjoni, iż-żejt u l-esportazzjoni. Madanakollu saħaq li għalkemm il-Prim Ministru kien dispost li jgħin, fakkru li f'sitt xhur kien se jkun hemm xi ħaddieħor floku. Kien qallu wkoll li biex jibdew isiru l-affarijiet irid ikun hemm Gvern ta' ħames snin.
Lawrence Gonzi sostna li l-Libja għandha bżonn tagħmel kostituzzjoni ġdida, wara li x'aktarx ikollhom bżonn jindirizzaw issues politiċi u sensittivi. 
Dr Gonzi saħaq li l-irwol ta' Malta fir-revoluzzjoni, ġie apprezzat mhux biss fil-Libja, iżda minn madwar id-dinja kollha. Fakkar kif Hillary Clinton kienet ġiet Malta speċifikament biex tgħidilna grazzi. 
Saħaq li rridu nkabbru iżjed ir-relazzjonijiet tagħna fis-snin li ġejjin ma' dan il-pajjiż ġar tagħna. Qal li l-Libjani ma jridux min jippridkalhom, "imma f'ċerti affarijiet nistgħu noffru l-esperjenza u l-kapaċità tagħna u ngħinuhom biex ikomplu jiżviluppaw."