Il-Libjani, is-Somali u l-Ingliżi l-iżjed barranin li jgħixu f’Malta

Skont l-iktar ċifri riċenti, in-numru ta’ persuni li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea u li huma residenti Malta jgħodd għal aktar minn 11,000.
Dan ħareġ minn mistoqsija Parlamentari li staqsa Etienne Grech lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali waqt is-seduta Parlamentari tal-bieraħ.

Il-Libjani jiffurmaw l-akbar numru ta’ barranin li ġejjin minn pajjiżi barra mill-UE u li huma residenti Malta, bin-numru jlaħħaq għal 1,988. It-tieni l-ikbar popolazzjoni ta’ barranin minn pajjiżi barra l-UE f’Malta huma Somali, b’aktar minn 1,200 u warajhom hemm ir-Russi, b’madwar 1,000 persuna.
Iċ-ċifri juru ukoll li hawn aktar minn 700 Filippin u madwar 600 Ċiniż jgħix f’Malta.

Dawk li ġejjin mill-Unjoni Ewropea u l-EEA (il-European Economic Area) u joqgħodu f’Malta jammontaw għal 12,078.
Minn dawn, il-maġġoranza huma ta’ nazzjonalita’ Ingliża, bit-total ilaħħaq mal-4,039. Hawn ukoll mad-900 Bulgaru u aktar minn 1,600 Taljan.