Il-Libja twaqqaf 2,000 ruħ milli jitilqu lejn Malta – Bartolo

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo stqarr li l-laqgħa li l-Prim Ministru Robert Abela kellu fil-Libja diġà ħalliet il-frott tagħha tant li l-gwardjani tal-kosta Libjana waqqfu 2,000 persuna milli jagħmlu l-vjaġġ lejn Malta.

Waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Laburista Jean Claude Micallef, il-Ministru ammetta li l-miżuri maqbula għandhom ma ġewx implimentati kollha.

Huwa qal li l-gwardjani tal-kosta interċettaw madwar 4,300 persuna li kien se jibdew il-vjaġġ lejn l-Ewropa b’madwar 2,000 minnhom bl-intenzjoni li jiġu Malta. Bartolo qal li mingħajr l-għajnuna tal-Libja, in-numru ta’ immigranti li fl-ewwel erba’ xhur tas-sena waslu Malta, kien jkun in-numru totali ta’ immigranti li waslu tul is-sena 2019 kollha.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari supplimentari tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis, Bartolo qal li l-pandemija tal-Covid-19 tista’ żżid in-numru ta’ immigranti li jippruvaw jagħmlu l-vjaġġ lejn l-Ewropa u mistennija tħalli madwar 27 miljun f’faqar estrem.