Il-Libja tinsisti li mhix se ddaħħal l-immigranti fuq Sea-Watch 3

Il-kelliem għall-Flotta Libjana, Ayoub Qassim, qal li l-komunità internazzjonali qed tipprova tagħmel pressjoni fuq il-Libja biex din tieħu responsabbiltà tal-immigranti illegali li jinsabu abbord Sea-Watch 3, ftit ‘il bogħod minn Malta. Huwa insista li l-Libja mhix se ddaħħal immigranti li ma ġewx salvati mill-gwardjani tal-kosta Libjana.

Waqt intervista fuq it-televixin, Qassim qal li l-immigrazzjoni illegali mhijiex aċċettabbli la fil-Libja u lanqas fl-Ewropa. Qassim insista li l-immigranti li jħallu l-Libja legalment huma kriminali għax ikunu qegħdin ipoġġu ħajjithom f’periklu, u dawn għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja.

Huwa qal li l-gwardjani tal-kosta Libjana salvaw iżjed minn 200 immigrant sal-aħħar ta’ Diċembru.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta m’għandhiex tispiċċa vittma tal-pajjiżi Ewropej l-oħra billi “terfa’ piż li mhux tagħha” u ddaħħal immigranti li m’għandhiex kompetenza jew responsabbiltà lejhom. Huwa kien qed jitkellem dwar id-49 immigrant Libjan abbord Sea-Watch 3 bħalissa, li għadhom bejn sema u ilma.