Il-Libja mhux se taċċetta viżas mill-Ambaxxata f’Ta’ Xbiex

Iċ-Charge d’Affaires Libjan f’Malta Hussin Musrati qal li l-viżas li qed jinħarġu mill-Ambaxxata f’Ta’ Xbiex tal-Gvern ta’ Tobruk mhux se jiġu aċċettati fil-Libja.
F'konferenza tal-aħbarijiet fl-Ambaxxata Libjana f'Ħat Attard, Musrati reġa’ tenna li hu sorpriż għall-fatt li l-Gvern Malti qed jagħraf lill-Gvern ta’ Tobruk f’Malta. B’dan il-mod, huwa qal li l-Gvern Malti qed iżid il-kunflitt u d-diviżjoni fost il-poplu Libjan.
Musrati qal li ingħatat l-ordni lill-ajruporti, portijiet u fruntieri tal-Libja biex ma jaċċettawx passaporti b’viżas maħruġa mill-Ambaxxata f’Ta’ Xbiex. B’hekk huwa sostna li dawn il-visas “qed jitqiesu bħala foloz” peress li l-Gvern ta' Tripli jokkupa 90% tat-territorju Libjan.
Hussin Musrati saħaq li jixtieq li jikkollabora mal-Gvern Malti biex titjieb is-sitwazzjoni. Temm jgħid li ma kienx hemm kuntatt bejn il-Gvern u l-Ambaxxata minn meta ġiet stabbilita l-Ambaxxata ta’ Tobruk f’Ta’ Xbiex.
Għall-mistoqsijet tal-midja dwar is-sitwazzjoni tan-negozji Maltin fil-Libja, Musrati saħaq li fil-Libja hemm spirtu ta’ paċi u mhemmx biża’ jew inkwiet żejjed.
Għal din il-konferenza attendew numru ta’ Libjani li weġġgħu waqt ir-rivoluzzjoni fl-2011 u li jixtiequ li ma jerġgħux lura għaż-żmien tar-reġim l-antik.
Din il-konferenza saret b’reazzjoni għall-kummenti tal-bieraħ minn Alleanza Bidla fejn il-President ta' Alleanza Bidla Ivan Grech Mintoff qal li l-Gvern qed jindaħal f’affarijiet interni tal-Gvern Libjan. Waqt il-konferenza ta' dalgħodu Hussin Musrati stieden lil Ivan Grech Mintoff flimkien ma' rappreżentanza tal-midja Maltija biex fil-ġranet li ġejjin imorru l-Libja u jiltaqgħu mal-awtoritajiet Libjani.