Il-Libja bi stedina lill-bastimenti Taljani biex flimkien jiġġieldu lit-traffikanti

Il-Gvern Libjan ibbażat fi Tripli stieden lill-bastimenti tal-gwerra Taljani jbaħħru fl-ibħra Libjani sabiex jgħinuh jiġġieled lit-traffikanti tal-immigranti.
Dan qalu l-Prim Ministru Taljan, Paolo Gentiloni, meta sostna li xi jiem ilu l-President Libjan, Fayez al-Seraj, bagħatlu ittra li fiha talbu għal għajnuna teknika mill-bastimenti Taljani.
Al-Seraj, li jmexxi Gvern Libjan sostnut min-Nazzjonijiet Magħquda fi Tripli, kien irrifjuta missjoni fuq il-baħar immexxija mill-Unjoni Ewropea fl-2015 bl-istess għan li tiġġieled lit-traffikanti.
Iżda jidher li issa bidel fehemtu, jum ukoll wara li laħaq ftehim mal-kmandant li jmexxi n-naħa tal-Punent tal-pajjiż, Khalifa Haftar, biex jieqaf l-isparar bejniethom, ħlief jekk biex jiġġieldu lit-terroristi.
Traffikanti mil-Libja li donnhom qed jaħdmu mingħajr ebda xkiel, irnexxielhom jittraffikaw lill-immigranti bl-eluf sa mill-2014, b’ħafna minn dawn l-eluf jispiċċaw l-Italja.
L-Italja kienet diġà ħadmet mal-Libja, meta fi Frar li għadda ffirmat ftehim ma’ al-Seraj, iżda ma kienx irnexxielha tlaqqa’ fuq l-istess mejda liż-żewġ gvernijiet rivali tal-Lvant u l-Punent tal-Libja.
Id-dettalji dwar din il-ħidma ġdida bejn iż-żewġ pajjiżi għadhom ma ġewx żvelati, iżda l-Ministru għad-Difiża fl-Italja diġà beda jfassal pjan, qal Gentiloni.
Riċentement, gruppi umanitarji kkritikaw kemm lill-UE kif ukoll lill-Italja talli għenu lil-Libja tagħlaq ir-rotot minn fejn l-immgranti setgħu jaħarbu lejn il-Mediterran, u dan wara stejjer tal-waħx relatati mat-trattament ta’ dawn il-persuni mit-traffikanti fil-Libja.