​Il-libertà tal-midja marret għall-agħar fl-2017 – studju CMPF

Is-sitwazzjoni tal-libertà tal-midja f’Malta tul l-2017 marret għall-agħar meta mqabbla mas-sena 2016; u marret lura fl-aktar affarijiet importanti.
Dan joħroġ minn studju magħruf bħala The Media Pluralism Monitor (MPM).  
Waħda mir-raġunijiet ewlenin għal dan ir-rigress huwa l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Skont dan l-istudju, l-assassinju ta’ Caruana Galizia ħalla dak li jissejjaħ bħala chilling effect fuq il-libertà tal-espressjoni, jiġifieri li jkun aktar diffiċli għal dak li jkun li jitkellem b’libertà sħiħa. L-istudju innota wkoll nuqqasijiet fil-liġi preżenti dwar il-whistleblowers.
L-istudju sar mis-Centre for Media Pluralism and Media Freedom (CMPF) fil-European University Institute.

Iċ-Ċentru jagħmel dan l-istudju fit-28 stat membru tal-Unjoni Ewropea u fis-Serbja, f’dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u fit-Turkija.  
L-istudju kien ippreżentat lill-pubbliku Malti waqt attività fl-Università ta’ Malta li saret ilbieraħ flimkien mal-Faculty of Media and Knowledge Sciences.
L-istudju analizza 200 aspett tal-midja f’Malta u sab li s-sitwazzjoni hija ta’ riskju medju. 
Malta hija wieħed mill-ftit pajjiżi minn dawk studjati li għandu riskju daqshekk għoli.

Għar-riċerkaturi li għamlu l-istudju, il-livell tar-riskju fejn tidħol il-protezzjoni bażika tal-ġurnalisti hija xi ħaġa ta’ tħassib.
Skont dan l-istudju jekk ma jinstabx min bagħat lil dawk li qatlu lil Caruana Galizia jiġri li dan il-każ ikollu effett ħażin fit-tul fuq il-libertà tal-espressjoni u fuq il-libertà tal-midja f’Malta.
The Media Pluralism Monitor (MPM) jinnota li l-mod kif isiru l-ħatriet fil-PBS u fl-Awtorità tax-Xandir ma jiggarantux li jkun hemm indipendenza mill-influwenza politika.

Barra minn hekk l-awtonomija editorjali mhix protetta tajjeb biżżejjed, il-proċess ta’ self regulation mhux effettiv u m'hemmx mekkaniżmi legali tajbin biżżejjed biex iħarsu l-awtonomija tal-midja.
L-istudju jilmenta li l-partiti politiċi għandhom preżenza qawwija fil-midja u li l-persuni b’diżabilità lanqas għandhom aċċess tajjeb biżżejjed għall-midja.