“Il-libertà tal-kelma ma tfissirx li tista’ toqtol b’li tgħid”

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech sostna li llum il-ġurnata, bl-iskuża tal-libertà tal-kelma, bosta jħossu li jistgħu jferu lil ħaddieħor. Insista li saħansitra hemm min lest li joqtol b’dak li jgħid jew jikteb.

Ritratt: Carmel Saliba

Waqt l-omelija fis-Solennità tat-Tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventrali tar-Rabat Għawdex, Mons. Grech tkellem dwar kif ninsabu f’epoka fejn il-bniedem dejjem impenjat biex jikseb aktar libertà. Spjega li llum il-ġurnata, l-libertà tant saret valur importanti fil-kuxjenza nazzjonali li hemm istituzzjoni statli li ġġib ‘il quddiem il-libertajiet ċivili.

Semma kif skont il-Papa Benedittu XVI, ““fil-kuxjenza tal-umanità tal-lum, il-libertà titqies bħala l-aqwa ġid, tant li l-ġid l-ieħor huwa kollu subordinat għalih.”

Mons. Grech semma kif fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni “hu akkwist li ċ-ċittadin għandu dritt jesprimi l-ħsieb tiegħu mingħajr biża’ ta’ ċensura.” Spjega kif f’isem il-libertà, dak li qabel kien intimu u mistur, illum qed jiġi mperreċ. Sostna kif illum il-ġurnata nqabżet kull linja dwar id-diċenza.

L-Isqof Grech insista kif xi drabi l-poplu jagħmel bħat-tfal, jibki biex jakkwista oġġett, imbagħad ftit wara jixba’ minnu u jkun irid xi ħaġa oħra. Insista li sakemm xi ħaġa ma tkunx vera, tajba, sabiħa u ġusta, mhux se toffri sodisfazzjon definittiv. “In-nuqqas ta’ sodisfazzjon wara s-suċċess li nkunu għamilna jgħidilna ħafna dwar in-natura tax-xewqat tagħna l-bnedmin,” kompla jgħid.

Kien hawn li l-Isqof Grech għamel ir-referenza għall-Immakulata Kunċizzjoni u spjega kif hija fika il-mara li ġiet meħlusa li tkun libera. Spjega kif Alla ried li sa mill-mument tat-tnissil, Marija tkun melusa minn kull dnub biex tkun ħielsa. Spjega li Marija baqgħet teżerċita l-libertà tagħha tul ħajjitha kollha.