“Il-libertà tal-espressjoni tieqaf tkun dritt meta tkisser persuna” – Miriam Dalli

L-Ewroparlamentari tal-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Miriam Dalli qalet li jeħtieġ li l-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u l-industriji tal-internet jingħaqdu flimkien kontra diskors li jxerred il-mibegħda permezz ta’ aktar edukazzjoni, appoġġ lill-vittmi u pieni lil dawk li jinstabu ħatja.
Waqt is-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strażburgu, Miriam Dalli saħqet li għandha ssir distinzjoni bejn il-libertà tal-kelma u d-diskors li jqanqal il-mibegħda hekk kif filwaqt li waħda tinkoraġġixxi d-diskussjoni, l-oħra tkun qiegħda biss tinċita l-vjolenza.
Kompliet tgħid li l-kliem li jintuża jagħmel differenza kbira u sostniet li filwaqt li l-libertà tal-espressjoni hu dritt fundamentali u suprem, dan ma jfissirx li hu dritt infinit.
Saħqet li l-libertà tal-espressjoni tieqaf tkun dritt meta din tkisser persuna, saħansitra tikkawża ħsara fuqha nnifisha, fosthom, tibda tbati minn stima baxxa u minn problemi mentali li jwasslu għal suwiċidji.
Għaldaqstant, fil-ġimgħat li ġejjin, l-Ewroparlamentari mistennija tippreżenta emendi u proposti dwar kif l-Unjoni Ewropea tista’ tindirizza b’mod aktar effettiv din il-problema.