Il-libertà tal-espressjoni meħtieġa għall-iżvilupp

Papa Franġisku jiftaħ il-bibien taċ-ċentru l-ġdid ta’ Scholas Occurentes fil-Palazz San Callisto (Vatican Media)

Nhar il-Ġimgħa li għadda l-Papa Franġisku inawgura l-kwartieri ġenerali ġodda tas-Sholas Occurrentes fil-Vatika.  Din hi organiżazzjoni Pontifiċja fil-qasam tal-edukazzjoni li hi mifruxa ma’ 190 pajjiż madwar id-dinja.

Rappreżentanti ta’ Sholas Occurrentes minn madwar id-dinja taw merħba lill-Papa malli wasal fil-Palazz San Callisto fejn issa hemm dawn il-kwartieri ġenerali. Fiċ-ċerimonja ħadu sehem rappreżentanti mill-Ġappun, l-Arġentina, l-Istati Uniti, Haiti, Israel, il-Mozambique, il-Messiku, Spanja u l-Italja.

Kien il-Papa Franġisku nnifsu li fetaħ il-bieb taċ-ċentru l-ġdid fost kant ferrieħ u awguri fl-okkażżjoni tal-50 anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu.

50,000 istituzzjoni

L-inawgurazzjoni taċ-ċentru l-ġdid serviet ukoll bħala opportunità biex ikunu mnedija l-programmi edukattivi tal-Fondazzjoni għas-sena l-ġdida. Li tiġbor fiha aktar minn 50,000 istituzzjoni edukattiva mferrxa mal-ħames kontinenti.

Fost dawk li ħadu sehem f’din l-okkażżjoni kien hemm atleti professjonali, artisti, nies tan-negozju u delegazzjoni ta’ ħames “First Ladies” mill-Amerika t’Isfel li huma membri tal-Azzoċjazzjoni Alma, li tappoġġja l-inizjattivi ta’ din il-Fondazzjoni Pontifiċja.

Wara li ngħataw diversi testimonjanzi minn tfal li jattendu fiċ-ċentri tas-Scholas Occurrentes,  il-Papa Franġisku għamel diskors qasir li fih qal li s-Scholas Occurrentes, mhix hemm biex  tipprova tibdel il-fidi tan-nies imma biex toħloq il-libertà u l-ħelsien. Il-Fondazzjoni “taħdem fuq dak li kull persuna għandha f’qalbha li hi l-ħila li tikber u tibni l-futur tagħha”.

Poeżija u kreattività

Il-Papa Franġisku faħħar il-kapaċità ta’ Scholas Occurrentes li tgħin lit-tfal u ż-żgħażagħ jesprimu lilhom infushom bil-libertà fi grupp li jista’ jakkumpanjahom u jgħinhom tul il-vjaġġ tagħhom. Qal li hu pożittiv jekk iż-żgħażagħ ma jibżgħux jesprimu dak li jħossu fihom – dik il-libertà li skont il-Papa tista’ tispjegaha bil-kelma ‘poeżija’. Poeżija ma jfissirx li naljenaw rasna f’affarijiet li jispiċċaw, imma tfisser kreattività. Il-bniedem jew hu kreattiv jew jibqa’ tfal u ma jikbirx, qal il-Papa.

Ċentru ġdid

Il-Papa Franġisku,  permezz ta’ komunikazzjoni bil-video, ħa sehem ukoll fl-inawgurazzjoni ta’ ċentru ieħor ġdid tas-Scholas Occurentes li kien qed isir dak il-ħin stess fil-belt ta’ Los Angeles, mill-Arċisqof Josè Gomez u s-Sindku Eric Garcetti. Iċ-ċentru ta’ Los Angeles huwa l-erbatax il-ċentru li għandha l-Fondazzjoni fid-dinja wara li x-xahar li għadda kien inawgurat ieħor fil-Ġappun.

Għas-sena d-dieħla Scholas Occurentes se tieħu numru ta’ inizjattivi, fosthom avveniment internazzjonali li se jsir fl-14 ta’ Mejju li ġej bit-tema: Nibnu mill-ġdid Patt Edukattiv Globali” bl-iskop li jibda djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet għal edukazzjoni aktar miftuħa u nklussiva għat-tfal.