“Il-libertà tal-espressjoni għandha limitu” – Il-Papa Franġisku

L-attakki ta’ Pariġi, il-libertà tal-espressjoni u r-responsabilità, kienu ftit mit-temi li  l-Papa Franġisku ddiskuta flimkien mal-ġurnalisti waqt it-titjira minn Sri Lanka lejn il-Filippini. 
B’risposta għall-mistoqsija ta’ ġurnalist Franċiż dwar l-attakki ta’ Charlie Hebdo, il-Papa spjega li “ħadd ma jista’ jaġixxi bil-vjolenza, għax hu ġenn li toqtol f’isem Alla.” 
Iżda dwar il-libertà tal-espressjoni “hemm limitu”.  Ġab l-eżempju meta xi ħadd joffendi lill-omm u ħafna drabi jkun hemm reazzjonijiet li ma tistennihomx. 
Il-Papa qal ukoll li filwaqt kulħadd jista’ jgħid li jrid, ma tistax tipprovoka u tgħajjar ir-reliġjon ta’ ħaddieħor. 
“Kull reliġjon għandha d-dinjità, kull  reliġjon li tirrispetta l-ħajja u lill-bniedem, jien ma nistax ngħaddi ż-żmien biha” saħaq il-Mexxej tal-Knisja Kattolika. 
Mistoqsi wkoll dwar ix-xniegħat li l-Vatikan jista’ jiġi attakkat mit-terroristi Iżlamiċi, il-Papa wieġeb li l-ikbar inkwiet tiegħu hi s-sigurtà tal-pellegrini li jinġabru fi Pjazza San Pietru u fil-madwar. 
Saħaq li l-umiltà u l-ħlewwa huma żewġ għodod meħtieġa biex tegħleb it-theddid.