Il-Libertà Reliġjuża qed tkompli tkun miċħud madwar id-dinja

Il-Libertà Reliġjuża hi dritt uman iżda xorta hi mkasbra madwar id-dinja

Is-Santa Sede reġgħet esprimiet it-tħassib tagħha għall-fatt li d-dritt tal-libertà reliġjuża qed ikompli jkun imċaħħad madwar id-dinja u appellat biex din it-tendenza tkun miġġielda u tingħeleb l-aktar billi titqajjeb kuxjenza pubblika dwar il-ksur gravi ta’ dan id-dritt fundamentali.

“Minkejja l-ħafna sforzi biex jissaħħaħ id-dritt fundamentali tal-libertà reliġjuża, fil-verità qed nassistu għall-ksur kontinwu, kważi attakk fuq dan id-dritt inaljenabbli f’diversi partijiet tad-dinja”, qal is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin nhar l-Erbgħa li għadda.

Il-Kardinal kien qed jitkellem f’symposium dwar “Flimkien niddefendu l-Libertà Reliġjuża fid-Dinja” li kien organizzat mis-Santa Sede u l-Ambaxxata Amerikana f’Ruma

Skont Vatican News, l-uffiċjal għoli tas-Santa Sede nnota il-bosta vjolazzjonijiet tal-libertà reliġjuża fid-dinja u n-numru kbir ta’ persuni innoċenti li qed ikunu persegwitati minħabba t-twemmin tagħhom, fosthom ħafna nsara. Hu qal li dan hu “attakk aggressiv fuq it-tgawdija tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.”

Il-media u l-għarfien pubbliku  

“Għalkemm il-libertà reliġjuża hi nkwadrata fil-liġi internazzjonli inkluż id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Drittijiet Ċivilu u Politiċi, qed inkomplu nassistu għal ksur gravi ta’ dan id-dritt fundamentali bażiku li qed isir b’impunità u li l-media ftit li xejn titkellem dwaru,” saħaq il-Kardinal Parolin.

Huwa qal li jkun hawn kuxjenza pubblika dwar ir-realtà tal-persekuzzjoni reliġjuża, partikolarment permezz tal-media diġitali li tasal malajr, hu pass tajjeb biex tkun indirizzata din il-problema. Parolin enfasizza r-rwol tal-media u l-komunikazzjoni soċjali li joħorġu realtajiet bħalma huma l-ksur tad-dritt tal-libertà reliġjuża li jheddu l-ġid komuni u l-familja umana.

Mill-kliem għall-fatti

Meta tkellem dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fid-difiża u t-tixrid tal-libertà reliġjuża fuq diversi livelli, il-Kardinal Parolin qal li dan ma jfissirx sempliċement li “nkunu flimkien” imma li “naħdmu flimkien” u ngħaddu mill-kliem għall-fatti.

Biex isir dan wieħed ma jridx jinsa l-bażi antropoloġika tad-dritt tal-libertà reliġjuża. Spjega li dan id-dritt mhux xi ħaġa anċillari jew barra mill-persuna umana imma rigal minn Alla li għandu l-għeruq tiegħu fid-dimensjoni tan-natura umana.  L-Awtoritajiet ċivili għandhom l-obbligu li jipproteġu u jiddefendu l-libertà reliġjuża bħala l-kustodji u mhux l-awturi ta’ dan id-dritt.

Theddid

Il-Kardinal Parolin irrifera għal żewġ “forzi” li qed iwasslu għall-ksur tad-dritt tal-libertà reliġjuża. Waħda hi l-intolleranza reliġjuża li tqis kull reliġjon jew twemmin li wieħed ma jaqbilx miegħu, mhux biss bħala inferjuri imma xi ħaġa li għandha tkun degradata u bħala tat-tieni klassi. Dan jidher f’sitwazzjonijiet politiċi, soċjali u kulturali, bħal meta l-insara huma meqjusa bħala ċittadini tat-tieni klassi.

Il-forza l-oħra ġejja mill-hekk imsejħa “drittijiet umani ġodda” li xi drabi jaħbtu ma’ drittijiet universali rikonoxxuti bħalma hi l-libertà reliġjuża u d-dritt għall-ħajja u għall-familja.

Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan qal li l-libertà reliġjuża tmur ‘l hinn mill-postijiet tat-talb jew l-isfera privata tal-individwi u l-familji. Id-diversi reliġjonijiet jaqdu lis-soċjetà primarjament bil-messaġġ li jipproklamaw li jappella lill-individwi u komunitajiet li jaduraw ‘l Alla li hu s-sors tal-ħajja, il-libertà u l-kuntentizza.

Huwa wiegħed li s-Santa Sede se tibqa’ impenjata li tiddefendi l-libertà reliġjuża u f’dan ir-rigward ikkwota mid-dokument dwar “Fraternità Umana għall-Paċi fid-Dinja u biex Ngħixu Flimkien: li l-Papa Franġisku u l-Grand Imam Ahmad al-Tayeb iffirmat flimkien f’Abu Dhabi fl-4 ta’ Frar li għadda.