Il-libertà reliġjuża fi kriżi madwar id-dinja kollha

Nies li jsegwu s-sitwazzjoni tal-libertajiet reliġjużi madwar id-dinja ilkoll jaqblu bejniethom li l-affarijiet qed imorru għall-agħar u mhux għall-aħjar. Aktar persuna inqatlu, kienu persegwitati jew imġiegħla jaħarbu minn djarhom minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom.  Madwar id-dinja kollha is-sitwazzjoni hi waħda imċajpra ħafna.
Il-Kummissjoni Amerikana dwar il-Libertajiet Reliġjużi Internazzjonali u d-Dipartiment tal-Istat Amerikan iqisu Burma, iċ-Ċina, l-Eritrea, l-Iran, il-Korea ta’ Fuq, l-Arabja Sawdita, is-Sudan, it-Turkmenistan u l-Uzbekistan bħala pajjiżi ta’ “tħassib kbir” – mod diplomatiku kif tgħid li dawn il-pajjiżi jew iwettqu huma stess jew jittolleaw ksur tal-libertajiet reliġjużi b’mod sistematiku.
Flimkien ma’ dan il-grupp ta’ pajjiżi l-Kummissjoni żżid tmienja oħra li tħoss li huma ta’ “tħassib partikolari” . Dawn huma r-Republika tal-Afrika Ċentrali, l-Eġittu, l-Iraq, in-Niġerja, il-Pakistan, is-Sirja, it-Tajikistan u l-Vjetnam.
Il-persekuzzjoni reliġjuża m’hix dik ta’ żmien ir-Rumani fejn l-insara kienu jintefgħu fil-fossa tal-iljuni għax ma jadurawx l-allat rumani jew l-imperatur. Sa ftit żmien ilu rajna saħansitra l-kattoliċi u l-protestanti jippersegwitaw lil xulxin jew saħansitra jidħlu fi gwerer fuq differenzi reliġjużi. Il-Lhud kienu pesegwitati minn kulħadd.
Fil-bidu tal-aħħar seklu, il-persekuzzjoni reliġjuża kienet issir mil-Faxxisti u l-Komunisti. Illum kulħadd jaf li kull reġim li jippersegwita xi reliġjon mhux se jirrispetta drittijiet fundamentali oħra. Anzi, id-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni qed  jeskalaw u jsiru ġenoċidji. Illum naraw ukoll l-Antisemitiżmu u l-Islamofobia.
Fil-Lvant Nofsani naraw ġlied bejn is-Sunni u s-Shiti, filwaqt li l-Insara inqabdu f’dan il-ġlied u saru l-mira ta’ Islamiċi radikali partikolarment l-ISIS.
Illum, il-liberta reliġjuża tinsab taħt attakk f’diversi pajjiżi mhux biss mill-istat imma wkoll minn fazzjonijiet li l-istat ma jkunx kapaċi jew ma jridx jikkontrolla kif inhu l-każ fl-Eritrea, is-Sudan u n-Niġerja. Fl-Indja il-gvern ma jridx iwaqqaf il-vjolenza kontra l-Musulmani u l-Insara mill-Hinduisti u anqas il-Gvern ta’ Myanmar m’hu jipproteġi lil Musulmani mill-Buddisti.
Il-ġlieda għal-liberta’ reliġjuża m’hix faċli. Taf tieħu s-snin u ġenerazzjonijiet sħaħ. L-Edukazzjoni hi importanti ħafna. Il-mod kif id-diversi reliġjonijiet huma deskritti fil-kotba hemm bħonn jitjieb għax jiddaħħal il-velebu f’moħħ it-tfal, il-problemi fil-futur ikomplu jikbru flok jissolvew.
Il-liberta’ reliġjuża u l-armonija bejn ir-reliġjonijiet imorru id f’id.