Il-Libanu jivvota wara kważi 10 snin minħabba l-inkwiet fir-reġjun

Il-Libanu llum qed jivvota f’elezzjoni parlamentari wara kważi 10 snin minħabba l-instabbiltà fir-reġjun.
L-aħħar darba li l-poplu vvota kien fl-2009, u sippost kellu jkun hemm elezzjoni oħra 4 snin wara, iżda l-grupp parlamentari kien iddeċieda li jirdoppja t-terminu tiegħu fl-uffiċċju minħabba l-inkwiet f’pajjiżi ġirien bħas-Sirja, iżda anki biex jirriforma l-liġijiet elettorali tal-pajjiż.
Il-bidliet ewlenin kienu fis-sistema tal-ivvutar, fit-tnaqqis tad-distretti, u għall-ewwel darba qed jitħallew jivvutaw l-espatrijati.
Sadanittant, il-Hiżbollah, li skont in-Nazzjonijiet Magħquda hu meqjus bħala grupp armat u terrorist, qed ifittex li jżid ir-rappreżentanza fil-Parlament Libaniż.
B’kollox iridu jimtlew 128 siġġu, u l-ħin għall-vot jagħlaq fis-7pm, ħin t’hemmhekk.
Ir-riżultati uffiċjali joħorġu għada jew it-Tlieta, iżda analisti jibdew jistennew l-ewwel dettalji anki mil-lejla.
Il-Libanu għandu storja ta’ sistema politika mħallta reliġjozament. Ngħidu aħna l-għadd ta’ siġġijiet fil-Parlament hu maqsum tajjeb bejn Musulmani u Kristjani, u l-president, il-prim ministru, u l-ispiker tal-kamra jridu jkunu bilfors ġejjin minn sfond reliġjuż differenti.
Sfidi ewlenin li se jiltaqa’ magħhom il-parlament il-ġdid huma prattikament tnejn: l-influss ta’ immigranti mill-pajjiżi ġirien mifnija bil-gwerra u diffikultajiet ekonomiċi.
F’Novembru li għadda kien inqala’ daqsxejn paniku politiku, meta l-Prim Ministru Saad al-Hariri ħarab lejn l-Arabja Sawdija u rreżenja minn hemmhekk fuq it-televixin, fejn qal li kien qed jibża’ li se joqtluh.
Lura l-Libanu kien issospenda d-deċiżjoni tiegħu meta tkellem mal-President Michel Aoun, imbagħad irtira d-deċiżjoni għalkollox f’Diċembru.