Il-Lezzjonijiet tal-Quddiesa m’għandhomx jinbidlu

Il-Papa Franġisku qal li meta wieħed jisma l-qari mill-Iskrittura waqt il-quddiesa, ikun qed jisma lil Alla jkellem direttament lill-poplu tiegħu u joffri għajnuna spiritwali u gwida għall-vjaġġ diffiċli tal-ħajja.
Għalhekk, it-testi magħżula m’għandhom qatt jinqabżu jew mibdula. Il-letturi għandhom jaqrab b’mod ċar u n-nies għandhom dejjem jisimgħu b’qalb miftuħa biex il-kelma t’Alla tħalli frott li jissarraf f’opri tajba.
Il-Papa kien qed ikompli bis-sensiela ta’ taħditiet li fihom jispjega passi mill-quddiesa fl-udjenzi li jagħti kull nhar t’Erbgħa fejn din id-darba tkellem dwar il-Liturġija tal-Kelma u l-importanza li wieħed jisma l-qari tal-Bibbja.
Hu qal li l-liturġija tal-kelma hi l-kelma ħajja ta’ Kristu u għalhekk waqt li qed ikun proklamat il-qari, in-nies fil-bankijiet għandhom ikunu siekta u jiftħu qalbhom u moħħhom għal dak li jkun qed jingħad u mhux iħarsu ‘l hawn u ‘l hinn, ipaċpċu u jgħidu dwar l-ilbies ta’ nies oħra fil-knijsa.
“Irridu nisimgħu, niftħu  qlubna għad ikun qed ikellimna Alla nnifsu. Allura toqgħodux taħsbu f’affarijiet oħra jew titkellmu. Fhimtu?” staqsa l-Papa lill-folla miġbura. “Ftakru x’kien qal Kristu lix-xitan meta ttantah fid-deżert: Il-bniedem ma jgħix bil-ħobż biss imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”.
Il-Papa wissa’ li wieħed ma jistax jibdel il-Qari tal-Bibbja ma xi qari ieħor, bħal per eżempju xi artiklu minn gazzetta biex jiddiskuti xi ħaġa li tkun qed tiġri u timmerita spjega mis-saċerdot. “Le. Il-Kelma t’Alla hi l-Kelma t’Alla. Il-gazzetta tista’ taqraha wara. Fil-quddies tinqara l-Kelma t’Alla u xejn aktar”.
Hu nsista wkoll li jingħażlu letturi li jkunu preparati tajjeb u jitkellmu ċar u mhux nies li jaħtfu u jħawwdu l-kliem li ma jkun jista’ jifhimhom ħadd. “Il-Kelma t’Alla hi għajnuna indispensabbli biex ma nintilfux għax kif jgħid is-Salmista hi ‘d-dawl li jdawwal triqatna’”.