“Il-lezzjoni tal-lum hija: Aħfer dejjem” – l-Arċisqof

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li l-lezzjoni mill-Evanġelju tal-lum hija waħda, li Alla qed jitlob lill-bniedem biex ma jwebbisx qalbu u dejjem jaħfer lil ħaddieħor.

Hu qal dan fl-omelija tal-Quddiesa tal-lum il-Ħadd fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi f’għeluq il-55 Anniversarju tat-twaqqif tad-Dar, li sejħilha “monument tal-ħniena”.

L-Arċisqof semma kif il-parabbola tal-qaddej li kellu jagħti 10,000 talent lis-sid u dan ħafiromlu għax ġietu ħniena minnu turina kif Alla lest li jaħfer lill-bniedem. Semma li mbagħad il-mod kif il-qaddej irreaġixxa għal sieħbu, li kellu jagħtih biss 300 dinar u li wkoll talab ħniena minnu iżda dan webbes qalbu, hija tagħlima ta’ kif m’għandniex nirreaġixxu għal meta sħabna jitolbu ħniena minna. Insista li meta Alla jaħfer lill-bniedem ikun qed jgħidlu: “ħfirtlek, ħlistek mill-piż kollu li qed jgħabbi l-qalb tiegħek.” Qal imbagħad li b’hekk Alla qed jgħidilna li kif jagħmel hu magħna, aħna għandna nagħmlu mal-proxxmu.

Hu sostna kif il-ħarsa ta’ Dun Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar tal-Providenza, lejn l-ewwel residenti f’din id-dar kienet ukoll il-ħarsa ta’ ħniena. Sostna li Dun Azzopardi kellu l-grazzja li Alla jħares lejh u jħenn għalih, u hu mbagħad ħares lejn ħutu u ħenn għalihom.

L-Arċisqof appella wkoll għall-karità f’dan ix-xahar mimli avvenimenti ta’ ġbir ta’ fondi għal entitajiet karitattivi differenti. Sostna li kull qatra tgħodd u b’hekk ħadd m’għandu jaqta’ qalbu milli jagħti “għax b’hekk inkunu mera sabiħa ta’ kemm iħobbna u jħenn għalina l-Mulej.”

Waqt il-quddiesa, l-Arċisqof kien megħjun minn Fr Trevor Fairclough u Fr Lino Cardona SJ. L-Arċisqof irringrazzja lill-President ta’ Malta, Dr George Vella u s-Sinjura Vella għall-preżenza u s-solidarjetà tagħhom kif ukoll għall-appoġġ li l-Istat jagħti għall-għaqdiet li jeħtieġuh. Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, il-Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabilità Maria Deguara, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dr John M. Cachia u rappreżentanza tas-Sorijiet tal-Karità.

X’inhi l-istorja tad-Dar tal-Providenza?

Kien propju fit-12 ta’ Settembru 1965 meta Dun Mikiel, kien qasam mas-semmiegħa tiegħu fuq programm li kellu fuq ir-Rediffusion ix-xewqa tiegħu li jiftaħ l-ewwel dar residenzjali f’Malta għall-persuni b’diżabilità.  Wara l-programm waħda mara marret issibu u tagħtu l-ewwel donazzjoni biex jibda jirrealizza b’mod konkret din il-ħolma kif fil-fatt għamel.  Dun Mikiel dejjem żamm din id-data bħala Jum it-twaqqif tad-Dar tal-Providenza li mbagħad fetħet il-bibien tagħha fil-11 ta’ Frar 1968.

Illum, 55 sena wara, id-Dar tal-Providenza tiġbor fiha tliet residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni u Villa Papa Luciani kif ukoll erbat idjar żgħar oħra fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, il-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq, waqt li dar oħra fil-Balluta qed tistenna li tiġi inawgurata fix-xhur li ġejjin. Bħalissa, fis-seba’ residenzi, jgħixu 115-il persuna, kollha b’diversi forom ta’ diżabilità, b’etajiet li jvarjaw bejn it-tmien snin u ‘l fuq minn 80 sena. Id-Dar toffri wkoll servizzi ta’ respite fuq bażi regolari. L-ispejjeż tad-Dar ilaħħqu madwar €5 miljun fis-sena.