Il-letteratura, ir-Randan u l-Passjoni minsuġa flimkien

Jekk togħġbok il-lettaratura, u inzertajt ukoll dilettant tal-attivitajiet ta’ dan iż-żmien, il-grupp letterarju Muża Karkariża se jtella’ lejla letterarja dwar ir-Randan u l-Passjoni.
Il-grupp ilu mwaqqaf tliet snin, u kburi bil-fatt li l-kittieba mseħbin kollha huma Karkariżi jew jgħixu Birkirkara.
Il-ħidma prinċipali tiegħu hi li jkompli jifrex l-imħabba u l-interess fil-kultura, kemm f’Birkirkara kif ukoll fil-bqija tal-gżejjer.
Barra minn hekk, fuq talba tal-membri stess, il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara  kien xandar fi ktieb apposta l-kitbiet li nqraw fis-serati mgħoddija.
Fost il-kittieba kontributuri nsibu lil Tarcisio Zarb, Charles Briffa, Ġorġ Peresso, Anton Grasso u Louis Briffa fost oħrajn.
Is-serata se tittella’ t-Tlieta, 11 ta’ April, fis-7.15pm wara l-quddiesa ta’ filgħaxija fil-Bażilika ta’ Sant’Elena.