Il-LESA u t-Transport Malta jgħinu lit-Taqsima tat-Traffiku; 37 arrestati

Read in English.

Filwaqt li uffiċjali minn sezzjonijiet oħra qed jassistu fl-immaniġjar tat-traffiku bl-użu ta’ vetturi mmarkati, it-Taqsima tat-Traffiku qed tingħata assistenza wkoll mil-LESA u minn Transport Malta.

Dan ħareġ fi stqarrija mill-Pulizija li tkellmet dwar il-pjan ta’ kontinġenza li daħal fis-seħħ biex it-tqassim tax-xogħol fis-sezzjoni jibqa’ miexi b’mod normali.

Il-Pulizija spjegat li sa issa arrestat b’kollox 37 persuna, b’ħamsa minnhom jingħataw il-police bail. L-investigazzjonijiet b’rabta mal-każ għadhom għaddejjin.

Il-Korp kompla billi kkonferma r-riżenja tas-Supretendent li kien inkarigat minn din is-sezzjoni, Walter Spiteri, li offra r-reżenja tiegħu ilbieraħ. Din ir-reżenja ġiet aċċettata. Qal ukoll li b’raba mal-każ qed issir inkjesta maġisterjali.

Diversi uffiċjali qed jiġu interrogati u jaf jiġu anke sospiżi dwar abbuż mis-sahra. Dan ġie kkonfermat indipendentament minn Newsbook.com.mt ilbieraħ, u ftit tal-ħin wara, il-Pulizija ħarġet stqarrija tikkonferma dan.