Il-lenti ddur fuq ta’ min hi Macbridge

“Ninkwieta għas-sigurtà ta’ Fenech u Theuma” – ġurnalist ta’ Reuters

Read in English.

Il-lenti tal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters issa qed iddur dwar min hu s-sid ta’ Macbridge, il-kumpanija sigrieta li flimkien mal-kumpanija 17 Black, kienet se tibgħat trasferimenti ta’ miljuni fil-kumpaniji sigrieti tal-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Dan ikkonfermah Stephen Grey, ġurnalist ta’ Reuters, meta dalgħodu kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103.

Stephen Grey kien il-ġurnalist ta’ Reuters li flimkien ma’ Jacob Borg mit-Times of Malta, f’Novembru 2018, żvela li sid il-kumpanija 17 Black kien Yorgen Fenech. Kemm Mizzi kif ukoll Schembri kienu ċaħdu li rċevew il-flus. Dakinhar Grey kien qal lill-RTK li hu kien qed jinvestiga s-sid tal-kumpanija f’Dubaj, Macbridge, li ssemmiet flimkien ma’ 17 Black fi traskrizzjoni ta’ dokument tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) li ġie żvelat fil-midja.

Qed jitkellmu iktar nies

Grey qal li Reuters qed tinvestiga sid il-kumpanija. Żied jgħid li Reuters għandha iktar informazzjoni milli kellha dakinhar, iżda appellat lis-semmiegħa biex jgħaddu kull informazzjoni li jista’ jkollhom. Żied jgħid li aktar informazzjoni qed toħroġ għax iktar nies qed jitkellmu u jikkuntattjaw lil Reuters il-ħin kollu. Esprima t-tama li bħala riżultat tal-arresti riċenti, aktar nies jissottomettu informazzjoni “għax issa m’għadhomx jibżgħu”.

Grey fisser kif “fl-aħħar sentejn, meta konna qed ninvestigaw, ħafna kienu qed jgħidulna li jafu r-risposta għal ħafna mistoqsijiet, imma kienu mwerwra li jitkellmu minħabba li ħassew sens ta’ impunità”.

Imħasseb dwar is-sigurtà ta’ Fenech u Theuma

Il-ġurnalist ta’ Reuters stqarr li hu kien qed jibża’ għas-sigurtà ta’ Yorgen Fenech u Melvin Theuma, li qed jitqies bħala s-sensar fl-assassinju.  Theuma ngħata maħfra presidenzjali imma x-xhieda tiegħu fil-Qorti s’issa għadha ma mmaterjalizzatx.

Il-ġurnalist ta’ Reuters iddeskriva bħala “tal-iskantament” ix-xena ta’ Fenech miexi fil-Belt Valletta u jitkellem man-nies mingħajr l-ebda sorveljenza mill-Pulizija.