Il-lemin estrem ikompli jikseb il-popolarità fl-Italja

REUTERS/Alessandro Bianchi

Il-Viċi Prim Ministru Taljan Matteo Salvini laqqa’ mass meeting li fih kien hemm preżenti eluf ta’ partitarji tal-partit tal-lemin estrem Lega Nord. Hekk kif kemm Salvini kif ukoll il-Lega Nord komplew iżidu fis-sapport.

Salvini qal lil dawk preżenti li hu se jkun qed jżomm kelmtu li jżid l-infieq mill-Istat hekk kif l-Italja għaddejja b’diżgwit mal-Unjoni Ewropea fuq il-pjanijiet tal-Gvern Taljan dwar il-baġitt. Salvini saħaq li l-awsterità ġġib magħha l-vjolenza li rat f’dal-aħħar jiem Franza.

Huwa sostna li dawk li jsawwru l-faqar joħloqu l-protesti.

Salvini ħa f’idejh il-Lega Nord fl-2013, meta kien għadu partit żgħir u mifni bl-iskandli.

Taħt it-tmexxija tiegħu, permezz ta’ retorika kontra l-immigranti, il-Lega Nord sar partit kbir li rebaħ 17% tal-vot fl-elezzjoni għall-parlament Taljan li saret f’Marzu. Dan wassal biex il-Lega Nord iffurmat koalizzjoni flimkien mal-Movimento Cinque Stelle.